Ewropa Saħħa

75% tal-kannabis mibjugħa fit-toroq Ewropej fiha traċċi ta’ fungus u E.coli

Studju li ġie preżentat din il-ġimgħa fir-rivista Forensic Science International qajjem tħassib kbir dwar it-traffikar kbir ta’ ħaxixa madwar l-Ewropa kollha, u dak li fil-verita’ qed jixtru l-individwi li jikkunsmaw il-kannabis.

Ir-riċerka tal-Ispanjol Manuel Pérez Moreno, li hu spiżjar, turi li 7 minn kull 10 kampjuni ta’ reżina tal-kannabis li analizza kien fihom il-bacteria E.coli. Għalkemm il-kampjuni inġabru minn diversi zoni f’Madrid, ir-rivista tindika li din is-sitwazzjoni hi riflessjoni ta’ dak li qed jikkunsmaw iż-żgħażagħ u l-adulti fit-toroq Ewropej.

F’ċertu kampjuni instab ukoll il-fungus Aspergillus.

Moreno jgħid illi dawn ir-riżultati huma aktar inkwetanti meta wieħed jinnota l-fatt kemm persuni iduru fuq il-kannabis biex itaffu l-uġiegħ ta’ mard li jkunu għaddejin minnu. Meta fil-verita’ qed jispiċċaw f’sitwazzjoni agħar, għaliex mhux konxji li qed jikkunsmaw bacteria u fungus li jaf ikun letali.