Futbol Sport

Alex Muscat jiskorja l-gowl tar-rebħa fir-ritorn tiegħu

QORMI………. 2 SLIEMA W….. 3

Qormi: D. Cassar, R. Romao, D. Mansi, A. Abela (T. Gusman 66’), L. Santana, Y. Yankam, W. de Oliveira (I. Zammit 66’), M. Micallef (A. Cassar 73’), F. Gnindokponou, J. Lokondo Mboyo, M. Bangoura

Sliema: T. Aquilina, A. Muscat (G. Barone 89’), K. Shaw, J. Pearson (R. Fenech 72’), S. Biancardi, N. Ashong, M. Muchardi, M. Scerri (K. Amehi 66’), M. Sansone, Y. Marzouk, I. Varela

Imwissija: R. Romao (Q)

Skorjaw: W. de Oliveira 12’, D. Mansi 44’ (Q), M. Muchardi 16’, J. Pearson 22’, A. Muscat 62’ (S)

Referee: Mario Apap

Assistenti Referees: Theodore Zammit, Ivan Galea

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Matias Muchardi (Sliema Wanderers)

Sliema Wanderers reġgħu telgħu momentarjament fir-raba’ post tal-klassifika b’rebħa missielta fuq Qormi. Din it-telfa kompliet tressaq lil Qormi lejn l-Ewwel Diviżjoni hekk kif jinsabu ħames punti bogħod mill-post tal-play-off u fadlilhom kontra Hibernians, Birkirkara u Mosta.

Is-Slimiżi kienu ġejjin minn telfa diżappuntanti kontra Birkirkara, logħba li ma kellhomx jitilfu. Minbarra t-tliet punti, spikka wkoll ir-ritorn tal-captain Alex Muscat li wara diversi xhur nieqsa, irnexxielu saħansitra jiskorja l-gowl tar-rebħa. Il-kowċ Taljan Stefano Maccoppi kellu jilgħab mingħajr John Mintoff u Claudio Pani.

Qormi marru fil-vantaġġ b’xutt ta’ WELLINGTON DE OLIVEIRA li għeleb lil Timmy Aquilina. Sliema wettqu reazzjoni immedjata u ġabu d-draw erba’ minuti wara meta Mark Scerri prova xutt akrobatiku li kien żbaljat iżda spiċċa fid-direzzjoni ta’ MATIAS MUCHARDI li skorja mill-viċin.

Is-Slimiżi saħansitra marru fil-vantaġġ fit-22 minuta b’xutt fil-baxx minn tarf il-kaxxa tad-difensur JONATHAN PEARSON li għeleb lil David Cassar fuq in-naħa leminija tal-lasta.

Il-Qriema ġabu d-draw minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima. Kien korner ta’ Mano Micallef, b’DAVIDE MANSI jogħla fuq kulħadd u b’daqqa ta’ ras ħalla lil Aquilina jħares.

Sliema reġgħu marru fil-vantaġġ fil-61 minuta meta Varela rnexxielu jdur u qassam tajjeb lejn ALEX MUSCAT li fuq il-ġirja għeleb lil Cassar b’xutt b’saħħtu.

Qormi kienu sfortunati li ma ġabux id-draw għaxar minuti mit-tmiem meta minn kross ta’ Alessio Cassar, id-daqqa ta’ ras ta’ Malela Bangoura ħabtet mal-lasta.