Futbol Sport

Andrei Agius salvatur f’rimonta ta’ Hibernians

(Ritratt: Domenic Aquilina

BIRKIRKARA……….. 2 HIBERNIANS……….. 3

Birkirkara: A. Hogg, D. Chapoval, N. Vukanac, Eduardo, C. Attard (T. Brito 79’), C. Failla (K. Zammit 66’), M. Andelkovic, J. Bezzina, M. Vella, Jorginho (M. Mifsud 66’), L. Montebello

Hibernians: M. Jovicic, J. Mbong, I. Ntow, A. Agius, N. Radojevic, M. Silveira (M. Sahanek 51’), D. Vella, B. Kristensen, J. Grech, T. Fonseca, Taylon (T. Tabone Desira 90’)

Imwissija: J. Mbong 21’ (H), M. Andelkovic 32’, Jorginho 33’, C. Attard 70’ (B)

Skorjaw: L. Montebello 3’, C. Failla 47’ pen (B), T. Fonseca 43’, Taylon 84’, A. Agius 89’ (H)

Referee: Alan Mario Sant

Assistenti Referees: Edward Spiteri, Mitchell Scerri

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Maurizio Vella (Birkirkara)

Attendenza: 609

Rapport: George Cassar

Hibernians splodew fl-aħħar għaxar minuti fejn skorjaw darbtejn u dawru telfa f’rebħa bl-eroj tagħhom ikun Andrei Agius li skorja ftit qabel id-disgħin minuta. B’dan ir-riżultat Hibernians reġgħu taw sinjal li għadhom fit-taqtigħa għall-kampjonat wara li dan l-aħħar ħafna bdew jiddubitaw minn dan hekk kif kienu ġejjin minn tliet riżultati ta’ parità.

Birkirkara, issa mmexxija minn Mark Buttigieg, kienu aħjar mill-avversarji għal ħafna mill-ħin fejn skorjaw fil-bidu ta’ kull taqsima iżda majnaw fl-iktar mument kruċjali tal-logħba u spiċċaw ħarġu b’idejhom vojta.

Hibernians kienu mingħajr il-kowċ Stefano Sanderra li kien sospiż filwaqt li anki Marcelo Dias beda jiskonta l-ewwel minn tliet logħbiet ta’ sospensjoni. Fil-partita kien hemm erba’ plejers ta’ Birkirkara u tnejn oħra ta’ Hibernians li kienu qed jaffaċċjaw lill-eks tim tagħhom fosthom it-tnejn li tpartu f’Jannar li għadda – Andrew Hogg u Jake Grech li t-tnejn li huma kellhom partita pożittiva.

Birkirkara skorjaw wara biss tliet minuti meta LUKE MONTEBELLO tilef il-ballun mad-difensuri ta’ Hibernians, iżda reġa rċevieh wara pass ta’ Maurizio Vella, ikkontrollah u tefgħu fix-xibka. Dan kien il-ħames gowl f’sitt logħbiet għall-attakkant Karkariż.

Hibernians rreaġixxew b’żewġ konklużjonijiet tajbin qrib l-għaxar minuta. Fl-ewwel waħda Taylon Marcolino kellu x-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa li ġie mdawwar ferm tajjeb mill-eks kollega tiegħu Andrew Hogg.

Imbagħad żewġ minuti wara, xutt ieħor ta’ Taylon Marcolino minn distanza simili kien imwaqqaf mil-lasta bil-ballun jerġa’ jiġi għand il-Brażiljan li iżda t-tieni tentattiv tiegħu kien żbaljat.

Fl-għoxrin minuta Luke Montebello seta’ rdoppja meta nġieb kompletament waħdu minn Maurizio Vella iżda din id-darba mar l-aħjar il-gowlkiper ta’ Hibernians Marko Jovicic li mblokka l-ballun f’korner,

Hibernians laħqu lil Birkirkara qabel daħlu jistrieħu. L-inizjattiva ħadha Isaac Ntow b’azzjoni fuq ix-xellug. Dan għadda lil Jake Grech li ta għan-nofs lil TIAGO FONSECA li kien pront iddevja l-ballun għal ġox-xibka.

Bħalma għamlu fl-ewwel taqsima, Birkirkara reġgħu skurjaw kmieni anki fit-tieni waħda. Nemanja Radojevic ġie ġġudikat mir-referee Alan Mario Sant li waqqa’ lill-eks Jorginho fil-kaxxa. Mar għall-penalty eks ieħor CLAYTON FAILLA li skorja l-ewwel gowl tiegħu bil-flokk ta’ Birkirkara.

Qrib is-siegħa logħob kien hemm żewġ għajtiet tal-partitarji Pawlisti mhux għall-gowl imma għall-protesti għal dawk li setgħu kienu fawls fuq l-attakkanti tagħhom Taylon Marcolino u Marco Sahanek.

L-aħħar għaxar minuti kienu kollha ta’ Hibernians li għamlu assedju fuq il-lasti Karkariżi. Fit-83 minuta Tiago Fonseca nifed id-difiża ta’ Birkirkara b’daqqa ta’ ras li ġabet waħdu lil TAYLON MARCOLINO li b’daqqa ta’ ras oħra antiċipa l-ħarġa ta’ Andrew Hogg u temm fix-xibka.

Mitt sekonda qabel skorrew id-disgħin minuta,Tal-Pagun irnexxielhom jiskorjaw il-gowl tar-rebħa. Bħalma jiġri spiss f’dawn is-sitwazzjonijiet diffiċli għal Hibernians, kien providenzjali ANDREI AGIUS li wara korner ta’ Marko Sahanek għola fuq kulħadd u skorja bir-ras.

Dan il-gowl tefa’ lill-Pawlisti fil-quċċata tal-klassifika u issa jittamaw f’żelqa ta’ Valletta fil-partita kontra t-tim tat-tielet post Gżira United bit-tama li jerġgħu jieħdu l-kmand assolut tal-klassifika.