Futbol Sport

Balzan jibqgħu jittamaw li jiksbu post fl-Europa League

BALZAN…………. 2 TARXIEN RAINBOWS…………. 0

Balzan: S. Mintoff, I. Bozovic (J. Grioli 84’), N. Sljivic, A. Kosoric, S. Bezzina, P. Fenech, U. Ljubomirac (L. Micallef 66’), S. Pisani, R. Correa (D. Camilleri 75’), A. Effiong, A. Majdevac

Tarxien: M. Buhagiar, M. Botta, J. Cruz Gill, D. Zerafa, J. Wemmer (M. Ciantar 87’), G. Aquilina, A. de Barros, M. Tabone (M. Spiteri 61’), J. de Paixao, R. Faria, A. Nilsson

Imwissija: I. Bozovic, A. Majdevac (B), J. de Paixao, A. de Barros (T)

Skorjaw: A. Majdevac 70’ pen, A. Kosoric 87’ (B)

Referee: Glen Tonna

Assistenti Referees: William Debattista, Dusan Petrovic

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Andrija Majdevac (Balzan)

Attendenza: 202

Balzan kisbu tliet punti importanti li bihom baqgħu jittamaw li jiksbu post fl-Ewropa staġun ieħor. Kellhom ikunu żewġ gowls fl-aħħar għoxrin minuta li taw it-tieni rebħa konsekuttiva lit-tim ta’ Jacques Scerri.

Tarxien fuq in-naħa l-oħra kellhom bżonn din ir-rebħa biex iserrħu rashom li staġun ieħor jilagħbu fil-Kampjonat Premier. Din it-telfa waslet wara rebħa kontra Qormi u draw kontra Senglea u għadhom ħames punti fuq iż-żona tal-play-off.

Kellna nistennew sas-26 minuta għall-ewwel azzjoni denja bi free-kick ta’ Steve Pisani li kien salvat minn Maverick Buhagiar bl-għajnuna tal-lasta l-wieqfa. Buhagiar reġa’ kien attent biex salva xutt fil-baxx ta’ Uros Ljubomirac.

Balzan baqgħu jfittxu l-gowl tal-vantaġġ u fil-41 minuta Buhagiar reġa’ kien impenjat din id-darba minn Paul Fenech, iżda l-gowlkiper Tarxiniż dawwar f’korner ix-xutt mid-distanza.

Tarxien ma kellhomx reazzjoni għall-okkażjonijiet ta’ Balzan, bit-tim ta’ Jacques Scerri jkompla jattakka fit-tieni taqsima. Fil-51 minuta xutt minn barra l-kaxxa ta’ Aleksandar Kosoric għadda ftit barra. Fis-66 minuta xutt ta’ Majdevac kien imxellef u mdawwar minn Buhagiar.

Il-gowl kien ilu ġej u wasal fid-69 minuta meta Majdevac twaqqa’ fil-kaxxa minn Matthew Spiteri, bir-referee Glen Tonna jordna penalty. Inkariga ruħu l-istess ANDRIJA MAJDEVAC li skorja d-disa’ gowl fil-kampjonat. Ftit wara tkeċċa minn fuq il-bank il-kowċ ta’ Tarxien Jose Borg.

Balzan komplew jikkontrollaw il-logħba iżda ħames minuti mit-tmiem Tarxien appellaw għal penalty meta Jackson de Paixao deher jitwaqqa’ fil-kaxxa. Balzan għalqu l-logħba fis-87 minuta meta minn korner ta’ Effiong, daħal tajjeb id-difensur ALEKSANDAR KOSORIC li għeleb lil Buhagiar li ma seta’ jagħmel xejn.