Lokali

Ċirku internazzjonali ta’ kriminali jħaddem ħasil ta’ flus minn appartament f’Malta

Crew Olandiż tal-programm popolari ‘Opgaelicht’ li jinvestiga stejjer dwar ħasil ta’ flus, reċentement kien Malta b’rabta ma’ investigazzjoni kumplessa ta’ ħasil ta’ flus u trasferimenti ta’ miljuni ta’ flus li kienet qed issir minn ċirku internazzjonali ta’ kriminali minn appartament f’Malta.

Il-crew Olandiż kellu informazzjoni preċiża dwar dan l-eżerċizzju mfassal b’mod professjonali bis-sehem ta’ numru ta’ kriminali internazzjonali.

L-istess crew kellu wkoll ismijiet ta’ persuni direttament involuti f’dan il-ħasil ta’ flus u wara li rnexxielu jikseb informazzjoni dwar il-post minn fejn kien qed isir dan il-ħasil ta’ flus u t-trasferimenti ta’ miljuni kbar ta’ ewro, avviċna lill-Korp tal-Pulizija Maltija biex flimkien jintervjenu u jaqbdu fil-fatt lil xi wħud moħbija wara din il-kriminalità organizzata.

Jirriżulta li f’Malta dan il-crew Olandiż tkellem mal-Pulizija Maltija iżda ftit li xejn sab għajnuna, anzi sab burokrazija tremenda u apatija biex tittieħed azzjoni.

Jirriżulta wkoll, skont membri f’dan il-crew Olandiż, li huma baqgħu perplessi bit-telqa tal-Korp tal-Pulizija Maltija li quddiem provi tanġibbli bħal dawn baqa’ jkaxkar saqajh u ma ħa l-ebda azzjoni konkreta.

Sadanittant waqt il-programm ‘Opgelicht’ li xxandar nhar is-Sibt li għadda u li kien segwit minn eluf kbar ta’ telespettaturi, twassal fid-djar f’liema stat jinsab il-Korp tal-Pulizija Malti li tasallu fuq platt informazzjoni daqstant sensittiva frott ta’ investigazzjonijiet ġurnalistiċi twal, u flok ma jieħu azzjoni immedjata, spiċċa jibgħat lill-crew mingħand Pilatu għal għand Kajfa.

Ħareġ ċar mill-eżerċizzju li għamel dan il-crew ġurnalistiku investigattiv li fil-Korp tal-Pulizija ma hemm ħadd li kapaċi jaqbad il-barri minn qrunu fejn jidħlu każijiet ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni organizzata.

Imma mhux biss, ħareġ ċar ukoll li l-istess Korp tal-Pulizija jistenna dejjem l-ispaga ta’ Kastilja biex jaġixxi u jagħmel xi tip ta’ investigazzjoni.
Skont kuntatti li saru ma’ In-Nazzjon il-Korp tal-Pulizija Malti hu wieħed mill-istituzzjonijiet maħtufa mill-Gvern fejn kollox irid isir bil-barka ta’ Kastilja, inkella ma jsir xejn.

Din l-istorja investigattiva mill-crew Olandiż setgħet twassal biex f’Malta minn fejn din l-organizzazzjoni kriminali qed taħdem, seta’ nqabad fil-fatt il-mekkaniżmu u l-operat ta’ dak li kien qed isir fir-rigward tal-ħasil tal-flus u t-transazzjonijiet ta’ miljuni ta’ ewro.

Il-konklużjoni wara din l-esperjenza qarsa ta’ dan il-crew ġurnalistiku Olandiż kienet li sfortunatament Malta, membru fl-Unjoni Ewropea, hi tassew pajjiż korrott u dan għandu jkun ta’ imbarazzament mhux biss għall-istess poplu Malti, imma anki għall-Ewropa li kulma jmur qed ikomplu jemerġu fiha fatti serji dwar kemm f’Malta l-korruzzjoni hi aċċettata sal-punt li llum saret ukoll istituzzjonalizzata.