Ġurnata negattiva għall-plejers Maltin f’ġurnata oħra ta’ logħob fil-Kampjonat tal-Mediterran. Ilbieraħ kien imiss li jintlagħbu l-logħob tal-mixed doubles, b’Sue Abela u Justin Caruana Scicluna jilagħbu fi Grupp A filwaqt li Sara Xuereb u Mauro Anastasi kkompetew fi Grupp B.
Abela u Caruana Scicluna temmew fis-seba’ post fil-grupp b’total ta’ 2248 punt. Ir-rebbieħa tal-grupp kienu l-koppja Griega magħmula minn Martha Karatzoula u Nikolaos Serelis li bejniethom kisbu total ta’ 2459.
Sue Abela kisbet total ta’ 1217 punt u kienu biss żewġ plejers oħra li kisbu riżultat aħjar. Dawn kienu l-Griega Martha Karatzoula b’total ta’ 1262 punt u Sara Gamal tal-Eġitu b’total ta’ 1227 punt.
Justin Caruana Scicluna kellu riżultat negattiv b’total ta’ 1031 punt u kien hemm biss tliet plejers maskili li ġabu anqas minnu minn total ta’ 16-il plejer maskili fil-grupp tiegħu.
Fi Grupp B, Sara Xuereb u Mauro Anastasi kisbu bejniethom total ta’ 2356 punt. Xuereb kisbet 1131 punt filwaqt li Anastasi kiseb 1225 punt. Mill-plejers nisa fil-grupp tagħha, Xuereb spiċċat fis-seba’ post filwaqt li Anastasi għaddewh seba’ plejers maskili.
Meta wieħed jgħaqqad iż-żewġ gruppi, il-koppja Xuereb-Anastasi spiċċaw fit-13-il post filwaqt li Abela u Caruana Scicluna temmew fit-18-il post.
//= $special ?>