Sport Sport Ieħor

Fidda għal Mauro Anastasi u Sue Abela, bronż għal Sara Xuereb fir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat tal-Mediterran

Ir-raba’ ġurnata tal-Kampjonat tal-Mediterran tat-Ten Pin Bowling li qed isir f’pajjiżna, ġabet aktar sodisfazzjoni għat-tim Malti. Mauro Anastasi rebaħ il-midalja tal-fidda wara t-tmiem tal-erba’ kompetizzjonijiet.

Anastasi kiseb total ta’ 5114 punt wara li kkompeta fil-kompetizzjonijiet tas-singles, tad-doubles, mixed doubles kif ukoll tat-tim b’erbgħa. Il-Malti l-ieħor Justin Caruana Scicluna spiċċa fit-23 post.

F’sitwazzjoni simili iżda fil-kategorija tan-nisa, il-veterana Sue Abela spiċċat fit-tieni post b’total ta’ 4900 punt filwaqt li ż-żagħżugħa Sara Xuereb rebħet il-midalja tal-bronż b’total ta’ 4847 punt. Fit-Team Event, Malta spiċċat fir-raba’ post.

Il-Kampjonat tal-Mediterran jintemm għada s-Sibt bil-kompetizzjoni tal-Masters. Mauro Anastasi, Sue Abela u Sara Xuereb se jikkompetu għar-rebħ tal-midalji f’din il-kategorija wara li spiċċaw mal-ewwel tmienja.