Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

FORUM: Nibdew diskussjonijiet biex nimplimentaw il-Work Life Balance

Ftit siegħat biss wara li l-Parlament Ewropew approva, fl-aħħar stadju, d-Direttiva tal-Work Life Balance nnegozjata mill-MEP tal-Partit Nazzjonalista David Casa, l-Forum Unions Maltin qed jinsistu biex jibda l-proċess biex din tiġi implimentata.

Dan hu pass importanti hekk kif, wara lbieraħ, il-Gvern Malti, għandu massimu ta’ tliet snin biex jimplimenta d-drittijiet approvati f’din id-direttiva, fosthom 10 t’ijiem ta’ leave mħallas għall-missirijiet mat-twelid tat-tarbija, xahrejn ta’ leave mħallas għal kull ġenitur sakemm it-tfal jgħalqu 8 snin, 5 t’ijiem fis-sena carer’s leave għal min iridu jieħu ħsieb qraba morda, u d-dritt li jintgħalbu arranġamenti flessibbli fuq il-post tax-xogħol.

Fi stqarrija, l-Forum Unions Maltin qal li ta l-appoġġ lill-MEP David Casa sa mill-bidu tan-negozjati dwar din id-direttiva, u issa, li ġiet approvata, qed jinsisti mal-Bord tar-Relazzjonijiet Industrijali biex ipoġġi din id-direttiva fuq l-aġenda, biex b’hekk tkun tista’ tibda tiġi implimentata kemm jista’ jkun malajr.

Ilbieraħ, il-Parlament Ewropew approva b’maġġoranza kbira d-direttiva tal-Work Life Balance li l-MEP David Casa mexxa ‘l quddiem f’isem il-Parlament Ewropew. Dan wara xhur sħaħ ta’ negozjati ma’ unions, għaqdiet ta’ min iħaddem, Gvernijiet u l-Kummissjoni Ewropea.