Lokali

Fl-ewwel jum tal-Presidenza, George Vella b’laqgħat ma’ Eddie Fenech Adami u mal-Isqfijiet Maltin

Bħal fil-każ tal-predeċessuri l-oħra, irrid inħares lejn x’għamel tajjeb Eddie Fenech Adami u nipprova nieħu l-aħjar biex inkompli nibni fuqu.

Hekk qal il-President il-ġdid ta’ Malta George Vella, li fost l-ewwel impenji uffiċjali tiegħu bħala Kap tal-Istat għażel li jiltaqa’ mal-President Emeritus Eddie Fenech Adami fir-residenza tiegħu f’Birkirkara.

It-tnejn li huma tkellmu dwar l-importanza li għandha l-Presidenza f’pajjiżna, b’George Vella anke japprezza l-esperjenza ta’ Eddie Fenech Adami, kemm meta serva bħala Prim Ministru u anke bħala President tar-Repubblika.

Fil-fatt, Eddie Fenech Adami kien inħatar fl-ogħla kariga bħala Kap tal-Istat fl-2004 wara li kien nominat mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi. Matul il-Presidenza tiegħu, hu ra li l-għaqda tkun fuqnett tal-ħidma għax dejjem emmen li l-President tar-Repubblika għandu dan ir-rwol importanti.

Eddie Fenech Adami ma setax jattendi għaċ-ċerimonja tal-ħatra ta’ George Vella minħabba li kien indispost. Kien għalhekk li l-President il-ġdid ħa l-okkażjoni biex jiddiskuti privatament mal-President Emeritus anqas minn 24 siegħa wara.

Min-naħa tiegħu, Eddie Fenech Adami esprima s-sodisfazzjon tiegħu li kellu din iż-żjara. Hu qal li jinsab konvint li l-Presidenza ta’ George Vella se tkun waħda ta’ suċċess kbir. Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Sadanittant, aktar tard matul l-ewwel jum sħiħ tiegħu fil-kariga, il-President George Vella kellu laqgħa wkoll mal-Arċisqof Mons Charles J Scicluna u mal-Isqof Awżiljarju Mons Joseph Galea-Curmi.

Il-laqgħa saret fil-Palazz tal-President fil-Belt u matulha, il-Kap tal-Knisja Maltija ppreżenta statwa ta’ San Ġorġ lill-President Vella.