Tfajla ta’ 23 sena ammettiet fil-Qorti li gidmet negozjant Malti billi ħaditlu bejn €15,000 u€20,000 meta ġibditlu filmati f’relazzjoni magħha waqt li t-tnejn kienu qegħdin il-Ġermanja.
Huwa mifhum li waqt li kienu fil-kumpanija ta’ xulxin, ir-raġel li kien għal btala fil-Ġermanja, ikkonsma ammont sostanzjali ta’ alkoħol u kien dak il-ħin li Essoutoiti Asia, ġibditlu xi filmati u qaltlu li kienet lesta tgħaddihom lil mara tiegħu jekk ma jagħthiex ammont konsiderevoli ta’ flus li xtaqet hi.
In-negozjant Malti taha l-flus u wara li ġie lura Malta, hija ddeċidiet li tiġi ssegwih f’Malta, u għal darba oħra bdiet tagħmillu l-ħajja diffiċli billi din id-darba, talbitu jixtrilha karozza li tiswa’ €60,000. Fin-nuqqas ta’ dan hija kienet qed theddu li kienet se tinforma lil martu bir-relazzjoni tagħhom fil-Ġermanja u li kienet se tgħaddilha xi filmati u ritratti li kellha maħżuna fil-mobajl.
Asia, li twieldet Osterholz-Scharmbeck fil-Ġermanja, ġiet arrestata mill-Pulizija Maltija wara rapport minn negozjant li ismu ma jistax jissemma anke minħabba li huwa raġel miżżewweġ, fejn fil-fatt ismu lanqas biss issemma waqt li l-Ġermaniża tressqet il-Qorti.
Mill-investigazzjoni tal-Pulizija rriżulta li waqt l-interogazzjoni it-tfajla ammettiet li hija kienet se tibgħat filmati ta’ ultra sound ta’ tarbija, li kienet tagħhom, lil mara tan-negozjant.
Dan riedet tagħmlu biex tkun aktar kredibbli ma’ martu li kienet f’relazzjoni miegħu. Iżda ħareġ mill-investigazzjoni u li hija ammettiet ukoll li l-ultra sound ma kienx tagħha. Asia qalet lill-Pulizija, mmexxija mill-Ispettur Elton Taliana, li l-ultra sound kien ta’ oħtha, anke jekk warsa stqarret ukoll li hija tinsab tqila wkoll.
L-Ispettur Elton Taliana qal li l-Ġermaniża kkoperat bis-sħiħ mal-Pulizija u li qal li sentenza sospiża hija l-aktar ġusta f’każ bħal dan u anke minħabba l-fatt li għandha kondotta nadifa. L-Avukat Joseph Giglio, li kien qed jidher għan-nom tan-negozjant, qal li huwa jaqbel ma’ dak li qal l-Ispettur, anke minħabba l-fatt li r-reat ta’ rikatt sar il-Ġermanja, u f’Malta minkejja li kien hemm attentat, ma seħħx.
Asia ammettiet quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella li għamlet jew ipprovat tagħmel qliegħ permess ta’ theddid u malafama, li tat fastidju lil persuna oħra u li użat mobajl kif mhux suppost u biex tagħmel qliegħ bi ħsara, u li kellha fil-pusses tagħha “pepper spray”.
L-Avukat Joe Ellis li deher għal Ġermaniża bħala l-Avukat tal-Għajuna Legali qabel mas-sentenza sospiża fejn qal ukoll li l-klijenta tiegħu wriet sogħba kbira għal dak kollu li seħħ.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti ikkundannat lill-Ġermaniża 18-il xahar ħabs, sospiżi għal erba’ snin, kif ukoll, anke fuq talba tal-Prosekuzzjoni, l-Qorti ordnat biex il-mobajl tagħha jiġi konfiskat u distrutt.
//= $special ?>