Fil-25 ta’ Mejju 2019, l-elettorat huwa msejjaħ jagħżel sitt persuni sabiex jirrappreżentawh filParlament Ewropew. Fi kliem il-Life Network, “il-votant għandu dritt li jkun jaf il-fehma tal-kandidati li għalihom ikun ser jivvota”.
Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Life Network ħabbret li se tniedi kwestjonarju qasir lill-kandidati kollha sabiex permezz tar-risposti għall-istess domandi, tiġi aċċertata l-pożizzjoni ta’ kull kandidat firrigward tal-ħarsien tal-ħajja mill-konċepiment sal-mewt naturali.
Id-domandi fil-kwestjonarju huma dawn:
Il-liġijiet ta’ Malta jippermettu trattament li jsalva l-ħajjiet għal nisa tqal anki jekk dan jista’ jirriżulta fil-mewt tat-tarbija. Ladarba huwa stabbilit li l-ħajja tal-omm hija dejjem protetta, inti tivvota favur leġislazzjoni, reżoluzzjonijiet u/jew miżuri oħrajn li jippromwovu l-abort?
Inti favur is-surrogacy, li huwa wkoll magħruf bħala l-kiri ta’ ġuf?
Inti tikkommetti ruħek li tiddefendi l-libertà tal-kuxjenza ta’ kull persuna kif garantit mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali?
Inti tivvota favur kwalsiasi miżuri li jippromwovu, jabbraċċjaw jew jinkoraġixxu l-ewtanasja u/jew is-suwiċidju assistit?
“Inħeġġu lill-kandidati kollha jirrispondu l-kwestjonarju u b’hekk jagħtu l-pożizzjoni tagħhom. Irriżultati jiġu ippubblikati qabel l-elezzjoni”, ittemm tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>