“Il-Gvern Soċjalista tilef ir-ruħ soċjali u għandu biss il-kilba għall-poter”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Ħ’Attard bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.
Dr Delia qal li rapporti internazzjonali u Ewropej wieħed wara l-ieħor qegħdin jikkundannaw lill-Gvern Soċjalista li m’għandux r-rieda li jiġġieled il-korruzzjoni b’serjetà. Huwa qal li l-Maltin u l-Għawdxin qegħdin iħallsu prezz għoli għall-korruzzjoni. Dan għaliex il-korruzzjoni qed tiġi tiswa lill-poplu Malti aktar minn €725 miljun fis-sena. Dr Delia qal li kieku m’hawnx din il-korruzzjoni, nkunu nistgħu ngħinu lil min jeħtieġ il-mediċini, min għandu bżonn il-housing soċjali u nagħtu s-sostenn li min għandu bżonn.
Adrian Delia qal li dwar il-korruzzjoni mhux biss għandhom jittieħdu l-passi, imma li kieku tiġi miġġielda b’serjetà nkunu nistgħu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji, l-ħaddiema, ż-żgħażagħ u l-anzjani. Huwa qal li ta’ kuljum qiegħed jiltaqa’ man-nies li jispjegawlu l-esperjenzi tagħhom ta’ kuljum, pensjonanti li mhux qed jaslu sal-aħħar tax-xahar għax il-pensjoni mhix adegwata, anzjani li mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja u li ma jistgħux jixtru l-mediċini u l-affarijiet essenzjali. Dr Delia qal li qed jiltaqa’ wkoll ma’ sidien tan-negozji li mhux sejrin tajjeb u SMEs li qed ibatu u mhux ilħaqu.
Dr Delia qal li f’pajjiżna qed jerġa’ jgħolli rasu l-prekarjat, biż-żieda fil-ħaddiema barranin li mhux qegħdin jikkontribwixxu lejn l-ekonomija u li qed iwasslu biex iċ-cheap labour jgħolli rasu. Huwa qal li ż-żgħażagħ Maltin qed jispiċċaw jikkompetu mal-ħaddiema barranin u jispiċċaw huma wkoll fil-morsa tal-pagi baxxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali qegħdin iwasslu l-messaġġ tan-nies kuljum. Huwa qal li f’Mejju li ġej, l-poplu se jkollu quddiemu opportunità li jbiddel l-attitudni tal-Gvern Soċjalista u b’vuċi l-Maltin li vera jħobbu d-demokrazija u li għandhom għal qalbhom il-ġid ta’ pajjiżna jistgħu irazznu l-arroganza tal-Gvern.