Lokali

Il-Ħamrun għandha bżonn pjan fit-tul

Hemm bżonn ta’ pjan fit-tul biex ikunu mmirati sew il-problemi li qed insibu f’lokalitajiet bħall-Ħamrun. Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara fil-Ħamrun, fejn kellu l-opportunità jdur għadd ta’ ħwienet, filwaqt li tkellem mas-siden u mal-klijenti, kif ukoll ma’ dawk li kien għaddejjin minn Triq il-Kbira San Ġużeppp.

Akkumpanjat mill-Kandidati Lokali u għall-Parlament Ewropew, mill-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono u mill-Kordinatur Politiku Jean Pierre Debono, Adrian Delia qal li fl-aħħar ġimgħat, hu żar aktar minn 1,900 ħanut, b’impenn għall-ħtiġijiet tar-residenti kollha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-popolazzjoni f’lokalità bħal Ħamrun qed tkompli ssir dejjem aktar anzjana, b’ħafna jikkummentaw dwar in-nuqqas ta’ sigurtà li qed isibu ma’ wiċċhom.

Hu tenna li l-Kunsillieri eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista, minkejja li fil-minoranza, qed jagħmlu minn kollox biex terġa’ tingħata s-saħħa lil setturi għal qalb kulħadd, bħall-Ambjent. Innota wkoll kif għadd ta’ ħwienet għadhom qed isibu diffikultà, iżda l-Partit Nazzjonalista jrid jagħmlilhom kuraġġ.

Adrian Delia temm billi qal li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-unika possibbiltà biex jerġa’ jingħata l-ħajja lis-settur tan-negozji.