Raġel ta’ 67 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li dalgħodu għall-ħabta tas-1.00 ta’ filgħodu ittajjar f’Tas Sliema.
Ir-raġel, li hu Irlandiż, ittajjar minn vettura tat-tip Smart misjuqa minn raġel ieħor ta’ 30 sena residenti l-Mosta u li għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-vettura tiegħu hu u jsuq fi Triq Windsor, Tas Sliema. L-impatt jidher li kien wieħed qawwi u tant li anke l-karozza ġarrbet ħsarat kbar.
Mall-ewwel fuq il-post waslu l-Pulizija tad-Distrett biex jassistu. Issejħet ukoll ambulanza li ħadet lill-Irlandiż l-isptar fejn instab li qed isofri minn ġrieħi serji u iktar tard ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
Is-sewwieq tal-karozza ittieħed l-għassa tal-Pulizija fejn sarlu Breathalyser Test. Is-sewwieq irriżulta li kien taħt l-effett tal-alkoħol.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat Caroline Farruġia Frendo li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>