Lokali

L-MEPs tal-PN se jkollhom l-impenn biex ikunu l-vuci tal-pensjonanti fil-Parlament Ewropew

“L-MEPs tal-Partit Nazzjonaista se juru l-impenn, il-kompetenza u l-inizzjattiva sħiħa biex ikunu l-vuċi tal-pensjonanti fil-Parlament Ewropew, għax l-anzjani u l-pensjonanti huma għal qalbna.”

Hekk qal is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli waqt laqgħa mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista. Is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli qal li l-Partit Nazzjonalista qiegħed ifassal politika li tagħti lill-anzjani u l-pensjonanti l-importanza li jixirqilhom.

Huwa qal li l-Oppożizzjoni qed tagħti l-kontribut tagħha biex il-pensjonanti ma jibqgħux iħossu l-morsa tal-għoli tal-ħajja u l-prezzijiet li dejjem qegħdin jiżdiedu b’riżultat tan-nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Pensjonijiet Claudio Grech qal li l-Partit Nazzjonalista qed iħares lejn il-politika dwar il-pensjonijiet fuq żewġ binarji. L-ewwel li min hu pensjonant illum jixraqlu pensjoni adekwata għall-ħajja tal-lum u t-tieni li s-sostenibbiltà tiġi assigurata b’responsabbiltà fiskali fejn il-finanzjament ikun fuq sisien sodi. Huwa qal li pensjoni adekwata m’hijiex karita iżda dritt.

Matul din il-laqgħa, l-Assoċjazzjoni ressqet il-manifest tagħha għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew biex jiġi adottat qafas ta’ direttiva dwar dħul minimu li jippermetti li persuna tgħix b’dinjità bil-pensjoni u li titfassal strateġija Ewropea.

L-istatistika qed turi li kwart il-popolazzjoni f’Malta hi ‘l fuq minn 60 sena u huwa stmat li fiż-żmien li ġej din se toqrob lejn it-30%. Din hija sfida demografika ta’ impatt kbir fuq pajjiżna u xejra li simili fl-Ewropa fejn sal-2017, kważi wieħed minn kull ħamsa kellu 65 sena jew aktar.  Il-President tal-Assoċjazzjoni Louis Cilia qal li l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin għall-pensjoni hija biss soluzzjoni temporanja li jekk niġu f’sitwazzjoni li t-tkabbir ekonomiku ma jibqax sostenibbli, u l-qagħda tal-pensjonijiet tkun agħar milli qegħdin illum meta l-barranin jibdew jitilqu minn pajjiżna. Matul din il-laqgħa saret ukoll preżentazzjoni minn Philipe Seidel Leroy minn AGE Platform Europe.

Għal din il-laqgħa kienu preżenti s-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja, s-Solidarjetà Soċjali, l-Pensjonijiet, id-Drittijiet tat-Tfal u tat-Tarbija fil-Ġuf Claudio Grech, il-President tal-Amministrattiv tal-PN David Stellini, s-Segretarju Internazzjonali Roselyn Borg Knight, l-MEP Francis Zammit Dimech u l-kandidati Dione Borg u Michael Mercieca. Id-delegazzjoni tal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti kienet immexxija mill-President Louis Cilia.