Illum ġew imnedija tliet festivals tas-sajf: Għanafest, il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta, u l-Malta Jazz Festival.
It-tliet festivals se jżommu l-karatteristiċi individwali tagħhom, u kull wieħed minnhom għandu direttur artistiku differenti.
Tiziana Calleja, id-Direttur Artistiku ta’ Għanafest tgħid: “Il-viżjoni tiegħi għal din is-sena hi li nikkontribwixxu għall-qawmien mill-ġdid tal-wirt Malti billi nħalltuh max-xejriet kulturali kurrenti. Bħas-soltu, se nospitaw numru ta’ mużiċisti, filwaqt li noffru wkoll prodotti kulinarji u artiġjanali lokali. Se jkun hemm logħob u divertiment għal kulħadd.”
Filwaqt li tkellem dwar il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta, id-Direttur Artistiku Ruben Zahra jgħid: “Il-viżjoni tiegħi għall-MIAF hija msejsa fuq dimensjoni interdixxiplinarja b’saħħitha. L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi diversi rappreżentazzjonijiet Maltin u internazzjonali f’diversi postijiet madwar il-gżira, li tagħmel il-festival aċċessibbli għal udjenzi akbar. Il-festival se jinkludi l-innovazzjoni u l-eċċellenza artistika, kollha kemm huma kompletament aċċessibbli.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Artistiku tal-Malta Jazz Festival Sandro Zerafa jispjega li “l-elenku ta’ din is-sena se jkun eklettiku daqskemm huwa konsistenti artistikament.” Ir-repertorju se jinkludi jazz modern imħallat mal-ħsejjes big band; filwaqt li l-palk se jinqasam bejn il-jazz Latin u t-tradizzjoni jazz post-bop; kollha kemm huma f’rappreżentazzjonijiet fi sfond mimli storja fil-Mediterran.
Din it-tnedija hija propjament parti minn inizjattiva akbar mingħand Festivals Malta, li rat lil din l-organizzazzjoni taħtar sitt diretturi artistiċi ġodda fl-iskeda tal-attivitajiet sħiħa tagħha.
Festivals Malta nediet ukoll il-websajt rinnovata – www.festivals.mt
Għanafest se jittella’ bejn il-21 u t-22 ta’ Ġunju; il-Festival Internazzjonali tal-Arti ta’ Malta se jittella’ mit-28 ta’ Ġunju sal-14 ta’ Lulju; u l-Malta Jazz Festival se jittella’ mill-15 sal-20 ta’ Lulju. Għal aktar informazzjoni u dettalji għat-tliet festivals fis-sajf, żur festivals.mt.