Futbol Sport

Profitt rekord minn Tottenham Hotspur

(Ritratt: EPA)

Tottenham ħabbru profitt rekord għal klabb tal-futbol ta’ ftit aktar minn €130 miljun fl-istaġun li għadda, biex kisru r-rekord ta’ €123 miljun li kienu ħabbru Liverpool fi Frar. Dan ġie żvelat mill-klabb minn Londra, ġurnata wara l-ewwel logħba fit-Tottenham Hotspur Stadium li jilqa’ fih 62,062 spettatur.

Tottenham nefqu ftit aktar minn 1.15 biljun fuq l-istadium il-ġdid u t-training ground sa tmiem Ġunju tas-sena l-oħra, bi kważi nofs dak l-ammont jintefaq fis-sena finanzjarja tal-istaġun 2017/18.

Tliet fatturi li wasslu għal dan il-profitt kienu l-fatt li lagħbu staġun sħiħ f’Wembley u għalhekk nbiegħu aktar biljetti, waslu sal-fażi tan-knock-out taċ-Champions League u sar titjib fl-aspett kummerċjali. Dawn it-tliet raġunijiet wasslu għal dħul ta’ madwar €270 miljun.

Is-salarji tal-klabb telgħu minn €148 miljun għal €172 miljun li jfisser €3.5 miljuni aktar minn ta’ Everton u nofs is-salarji ta’ Manchester United. Fl-aħħar żewġ swieq tat-trasferimenti, Tottenham ma xtraw lil ħadd.