It-telfa fid-derby kontra Floriana, tellfet iċ-ċans lil Valletta li jitilgħu erba’ punti vantaġġ f’ras il-klassifika. L-avversarju li jmiss għalihom hu itqal hekk kif se jaffrontaw lit-tim tat-tielet post Gżira United.
Id-distakk bejn iż-żewġ timijiet bħalissa hu ta’ ħames punti u għalhekk rebħa għal Gżira tista’ tfisser li jidħlu bit-taqtigħa huma wkoll għar-rebħ tal-kampjonat.
Jekk il-logħba ta’ Valletta hi diġà diffiċli, din tista’ tkun itqal hekk kif il-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic ħabbar li għandu diversi plejers li jinsabu dubjużi. Dawn huma d-difensuri Jonathan Caruana u Joseph Zerafa, il-midfielder Rowen Muscat u l-winger Bogdan Gavrila. Dan minbarra li Matteo Piciollo għadu mweġġa’ u Miguel Alba se jkun sospiż.
Dwar il-plejers disponibbli fl-iskwadra, il-kowċ ta’ Gżira Jesmond Zerafa qal li għad irid jara l-kundizzjoni tal-plejers tiegħu, iżda ta ħjiel li Amadou Samb jista’ jkun utilizzat f’din il-logħba wara li kien proprju fl-ewwel kontra Valletta li kien weġġa’.
Wara t-telfa tal-Ħadd li għadda, li jirkupra l-plejers imweġġa’ hu wieħed mill-għanijiet prinċipali ta’ Doncic. Hu żied li qed jipprepara għal din il-logħba u jipprova jimmotiva l-iskwadra. Il-kowċ Serb Doncic tenna li l-plejers tiegħu għandhom l-esperjenza u minkejja li Gżira hu tim fil-forma, b’logħob tajjeb u li qed iwassal biex jiskorjaw, kollox jinsab f’idejhom.
Hu kompla li għalkemm Gżira huma b’saħħithom u veloċi, Valletta se jilagħbu bħal kif lagħbu fl-istaġun kollu, jiġifieri li jikkontrollaw il-logħba u jippressaw għoli.
Jesmond Zerafa qal li “din il-logħba hi importanti għat-tnejn u għalina tfisser żewġt uċuħ, li noqorbu lejn post fl-Ewropa jew li nibqgħu nitfgħu l-pressjoni fuq it-timijiet ta’ fuqna.” Hu żied li t-tim hu trankwill u għalihom hi logħba bħall-oħrajn. Zerafa żied li f’dawn il-logħbiet wieħed jinsa dak kollu li jkun għamel qabel għaliex bi żbalji żgħar il-logħba tista’ tmur kull naħa.
Preżenti wkoll għall-konferenza stampa, żewġ attakkanti li għaddejjin minn forma differenti. Justin Mengolo ngħaqad ma’ Gżira f’Jannar u jidher li qed isib il-forma wara bidu kajman.
Mengolo qal li issa qed iħoss lit-tim aħjar u dan hu importanti għalih. Hu żied li l-problema tal-bidu kienet problema fiżika iżda issa qed iħossu aħjar u l-kunfidenza li jirċievi minn sħabu, tagħmilha aktar faċli għalih li jiskorja.
Bojan Kaljevic kellu bidu pożittiv fl-ewwel staġun ma’ Valletta, iżda fit-tieni rawnd fil-kampjonat skorja biss gowl kontra Qormi. Mistoqsi dwar dan il-fatt, Kaljevic qal li “l-klabb jistenna minni li niskorja. Jien mhux qed inħares biss li niskorja imma li t-tim jirbaħ. Però se nagħmel mill-aħjar biex dan il-perjodu negattiv jintemm il-Ħadd.” Dwar dan il-fatt, Doncic żied li kemm Kaljevic kif ukoll Mario Fontanella qed jissieltu biex jirritornaw fl-aħjar forma u jsibu x-xibka fil-logħba.
//= $special ?>