Amber u Pamela għadhom kif niedew il-verżjoni tagħhom tal-kanzunetta “Russian Roulette”. Din il-kanzunetta hija proġett li sar b’kollaborazzjoni ma’ The Marcy Foundation sabiex titqajjem aktar kuxjenza dwar il-problema tal-vjolenza domestika. Il-produzzjoni kreattiva tal-vidjo kienet f’idejn Olwyn Jo, mentri l-produzzjoni tal-mużika hija ta’ WickedandLoud.
Amber u Pamela huma eċitati ħafna għal dan il-proġett, fejn għalkemm ilhom snin twal jaħdmu flimkien fuq diversi proġetti, għall-ewwel darba irrekordjaw dwett flimkien.
It-tema tal-vidjo fiha nnifisha tagħti stampa ċara li l-vjolenza domestika tolqot kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel. Mhux xi ħaġa faċli li toħroġ minn sitwazzjoni simili, li sfortunatament ġieli saħansitra tkun ġlieda kontinwa bejn ħajja u mewt. Madankollu, flimkien nistgħu nkomplu nqajjmu kuxjenza u nuru s-sapport tagħna lejn il-vittmi, kemm ta’ abbuż fiżiku kif ukoll mentali.
The Marcy Foundation hija fondazzjoni mmexxija minn Cliff Zammit Stevens għall-memorja ta’ ommu Marcelline u tisħaq kontra kull forma ta’ abbuż .
Il-kanzunetta tinsab online fuq is-siti diġitali tal-mużika.
