Liverpool reġgħu għelbu eżami ieħor diffiċli meta għelbu lil Southampton 3-1 fis-St. Mary’s Stadium. Huma kellhom bżonn żewġ gowls fl-aħħar għaxar minuti biex kisbu tliet punti oħra li bihom reġgħu telgħu momentarjament l-ewwel iżda b’logħba aktar minn Manchester City.
Kienu Southampton li fetħu l-iskor wara disa’ minuti bi kross mix-xellug ta’ Ryan Bertrand lejn Pierre Hojberg li bir-ras għadda lura lejn Shane Long li kkontrolla u minn qagħda ideali għeleb lil Alisson Becker.
Liverpool ġabu d-draw fis-36 minuta bi kross perfett mil-lemin ta’ Trent Alexander-Arnold lejn Naby Keita li b’daqqa ta’ ras għeleb lil Angus Gunn, bil-plejers ta’ Southampton jipprotestaw għal offside ta’ Mohamed Salah aktar kmieni fl-azzjoni.
It-tim ta’ Klopp mar fil-vantaġġ fit-80 minuta meta korner ta’ Southampton, spiċċa f’kontratakk ta’ Liverpool, b’Mohamed Salah javvanza minn nofs grawnd u mingħajr ma kien pressat għamel spazju għalih biex għeleb lil Gunn b’xutt għar-rokna minn kważi fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira.
Huma għalqu l-logħba fis-86 minuta b’azzjoni tajba ta’ Roberto Firmino fuq il-lemin, bil-Brażiljan idur u jitfa’ kross fil-baxx, bil-captain Jordan Henderson jidħol sparat fil-kaxxa biex skorja mill-viċin.
//= $special ?>