Lokali

Żewġ negozjanti Taljani użaw kumpaniji Maltin biex iwettqu frodi

Il-Pulizija fl-Italja arrestat koppja ta’ negozjanti Taljani wara li nqabdu jużaw numru ta’ kumpaniji, fosthom tnejn f’Malta, biex iwettqu frodi.

Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija Taljana nstab li l-koppja, residenti f’Loria, użaw iż-żewġ kumpaniji Maltin u soċjetà fl-Italja biex jittrasferixxu l-patrimonju tan-negozju tagħhom fihom. L-istess għad-dħul li jirreġistraw mill-istess negozju.

Madankollu dan il-proċess sar biss formalment hekk kif fil-verità huma żammew it-titlu tal-istess oġġetti. Dan għamluh bi skop li finalment jiddikjaraw il-falliment tan-negozji tagħhom, bi frodi.

Il-Guardia di Finanza ta’ Ċittadella, li mexxew l-investigazzjoni, ikkonfiskaw 28 proprjetà għal valur ta’ madwar €3.6 miljun apparti eluf fi flus kontanti u arloġġ tad-ditta.