Lokali

12-il NGO jiftħu protest kontra l-Ministru tat-Trasport u l-PA

Ġie ppreżentat protest ġudizzjarju li jsejjaħ għal pubblikazzjoni immedjata tal-istudji dwar il-mina

Tnax-il organizzazzjoni li jirrappreżentaw firxa wiesgħa tas-soċjetà ippreżentaw protest ġudizzjarju kontra l-Ministru tat-Trasport u l-Awtorità tal-Ippjanar biex jiżvelaw l-istudji kollha li għandhom x’jaqsmu mal-mina bejn Malta u Għawdex. Huma talbu wkoll li jsir Strategic Environmental Assessment (SEA) kif mitlub mil-liġijiet nazzjonali u tal-UE. 

L-organizzazzjonijiet qalu: “Jeħtieġ li nieqfu nilagħbu noli u li nżommu informazzjoni essenzjali milli toħroġ fil-pubbliku. Il-mina proposta se jkollha konsegwenzi enormi u fit-tul fuq is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent ta’ kull min joqgħod Malta jew Għawdex. Iċ-ċittadini ma jistgħux jitħallew fl-għama rigward l-implikazzjonijiet veri ta’ deċiżjoniiet radikali bħal dawn. Aħna qegħdin insejħu lill-awtoritajiet biex jippubblikaw l-istudji kollha biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jiffurmaw opinjoni bbażata fuq il-fatti. Dan huwa prinċipju ewlieni tad-demokrazija”.

It-tnax-il organizzazzjoni li qed jippreżentaw il-protesta ġudizzjarja huma: Din l-Art Ħelwa, Ramblers’ Association of Malta, Nature Trust (Malta), BirdLife Malta, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Kamra tal-Periti, Isles of the Left, Bicycle Advocacy Group u Żminijietna – Leħen ix-Xellug.