Żewġ gowls ta’ Andrea Bianchi fl-aħħar sessjoni tat rebħa importanti ta’ 7-6 lil Valletta Videoslots fuq Sirens Greentube. B’din ir-rebħa, Valletta aċċertaw posthom fil-play-offs u li jispiċċaw l-ewwel fażi mal-ewwel tliet, hekk kif ikkonfermaw il-progress li għamlu b’mod kollettiv f’dan il-kampjonat.
Il-logħba tista’ tkun meqjusa bħala waħda mill-isbaħ sa issa hekk kif iż-żewġ timijiet kellhom il-mumenti tagħhom, b’Valletta jkunu aħjar fl-ewwel parti tal-logħba filwaqt li Sirens kellhom reazzjoni pożittiva wara l-mistrieħ.
Wara li James Spiteri Staines wieġeb għal Isaiah Riolo fl-ewwel sessjoni, Valletta marru minn fuq darbtejn fit-tieni sessjoni minn Michele Mifsud u Peter Borg, b’Marc Grech jiskorja bejn iż-żewġ gowls Beltin.
Reazzjoni tajba minn Sirens fit-tielet sessjoni wara li kienu 5-3 minn taħt. Permezz ta’ gowl b’intelliġenza ta’ Edward Aquilina u ieħor ta’ Jake Ciantar fi ftit ħin, Sirens ġabu d-draw u f’dak il-mument dehru li ħadu l-kontroll tal-logħba.
Huma saħansitra marru minn fuq fl-aħħar sessjoni b’gowl ta’ Aquilina, sakemm Valletta dawru r-riżultat b’doppjetta ta’ Andrea Bianchi li tħalla żmarkat fuq in-naħa xellugija fiż-żewġ okkażjonijiet. Iż-żewġ timijiet twalu aktar lejn it-tmiem, b’Valletta jfittxu li jagħlqu l-logħba u Sirens li jġibu d-draw, iżda Valletta rnexxielhom jiddefendu l-vantaġġ minimu sat-tmiem.
Fil-logħba l-oħra, Sliema Frank Salt rreġistraw l-ewwel rebħa meta fid-derby Slimiż għelbu lil Exiles Elia Caterers 11-7, biex Exiles baqgħu mingħajr punt wara erba’ logħbiet. Għal Sliema rritorna l-captain Mark Meli iżda kien nieqes il-gowlkiper Joseph Sammut, biż-żagħżugħ Miguel Vassallo jkollu partita brillanti fil-lasta.
Ir-rebħa għal Sliema kienet meritata, kompliċi ta’ bidu tajjeb li kellhom fejn setgħu jikkontrollaw il-logħba aħjar. Exiles ma kinux solidi fid-difiża u ppermettew liż-żgħażagħ ta’ Sliema biex jixxuttjaw aktar spiss.
Il-logħba seta’ kellha żvolta oħra ftit qabel tmiem it-tieni sessjoni meta tkeċċa wieħed mill-ftit plejers kbar ta’ Sliema Zach Mizzi, iżda minkejja li Exiles urew titjib fit-tieni parti tal-logħba, Sliema baqgħu xorta ftit aħjar mill-avversarji biex kisbu r-rebħa.
Intant mill-Ewwel Diviżjoni, Marsaskala Fish and Fish komplew bil-kampjonat pożittiv tagħhom hekk kif baqgħu bla telfa. Determinanti fir-rebħa ta’ 9-7 fuq Ta’ Xbiex Amigos, kien il-bidu pożittiv li kellhom. Huma kienu 3-0 minn fuq fl-ewwel sessjoni u għalkemm Ta’ Xbiex ġabu d-draw fit-tieni sessjoni, Marsaskala reġgħu bnew vantaġġ doppju sal-ħin tal-mistrieħ.
It-tim ta’ Dorian Pisani deher li seta’ jagħlaq il-logħba meta kabbar il-vantaġġ għal erba’ gowls fit-tielet sessjoni, iżda t-tim żagħżugħ ta’ Ta’ Xbiex reġa’ daħal fil-logħba fl-aħħar sessjoni b’żewġ gowls kmieni. Dan sakemm Kyle Navarro għalaq il-logħba tliet minuti mit-tmiem.
SIRENS GREENTUBE……….. 6 VALLETTA VIDEOSLOTS… 7
(1-1), (1-2), (3-2), (1-2)
Sirens: N. Grixti, J. Ciantar (1), E. Aquilina (3), P. Privitera, M. Grech (1), R. Galea, M. Chircop, I. Riolo (1), J. Napier, Z. Bartolo, L. Caruana, M. Sciberras, G. Galea Curmi
Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (2), A. Agius, P. Borg (1), C. Zammit (1), R. Mock, D. Paolella, M. Mifsud (1), N. Farrugia, M. Zammit, M. Lanzon, L. Giallanze, R. Bonnici, A. Bianchi (2)
Referees: Ronnie Spiteri, Mario Dalli
SLIEMA FRANK SALT………. 11 EXILES ELIA CATERERS….. 7
(3-1), (3-3), (2-1), (3-2)
Sliema: M. Vassallo, A. Mifsud, L. Galea (2), J. Sciberras (3), M. Meli (3), D. Rizzo, M. Spiteri Staines, C. Cutajar, M. Cordina, M. Muscat, Z. Mizzi, N. Bugelli (3), M. Farrugia
Exiles: M. Castillo, C. von Brockdorf, A. Magri, M. Stellini, T. Sullivan, S. Xerri de Caro (2), M. Fenech, K. Griscti (1), N. Paris, A. Cousin (1), B. Lanzon (3), P. Paris, S. Apap
Referees: Stefan Licari, Massimo Angileri
M’SKALA FISH AND FISH….. 9 TA’ XBIEX AMIGOS……………. 7
(3-1), (2-2), (3-1), (1-3)
Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli (1), M. Manara, M. Aquilina, L. Grixti (1), K. Navarro (4), L. Felice, S. Camilleri, J. Culic (2), R. Attard, D. Borg Millo (1), M. Borg
Ta’ Xbiex: Z. Sciberras, R. Greco, M. Demarco, N. Schiavone (1), M. Carani, J. Saliba, D. Fenech (1), M. Mifsud, G. Blundell, G. Sammut (1), K. Tanti (3), N. Saliba (1), A. Theuma
Referees: Alex De Raffaele, Neville Mercieca
//= $special ?>