Ir-raħal tan-Nadur f’Għawdex hu wieħed mill-eżempji ta’ kif Kunsilli mmexxija minn maġġoranza Nazzjonalista verament jagħmlu d-differenza lir-residenti, b’mod dirett, fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem żjara fost in-Nadurin – b’merħba sabiħa mir-residenti u mis-sidien tal-ħwienet fil-lokalità. Hu kien akkumpanjat mill-Kandidati Lokali u Ewropej, flimkien mad-Deputati Għawdxin eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista.
Adrian Delia nnota r-relazzjoni personali li teżisti bejn il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista u r-residenti, f’xhieda ħajja ta’ kif għandha tkun il-komunikazzjoni diretta bejn iż-żewġ naħat.
Grazzi għall-Partit Nazzjonalista, din il-lokalità wkoll se tkompli tgawdi minn demm żagħżugħ ġdid, hekk kif kważi l-Kandidati kollha huma żgħażagħ u ġodda. Dan, tenna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista hu xhieda tal-entusjażmu u l-passjoni li dawn għandhom lejn ir-raħal fejn jgħixu.
Hu nnota wkoll kif Kunsill immexxi minn maġġoranza Nazzjonalista ra li jestendi l-ħidma tiegħu fil-lokalità, fost l-oħrajn anke billi jorganizza safar lejn pajjiżi Ewropej. B’hekk, ir-residenti jistgħu jifhmu u jgawdu aktar il-benefiċċji li toffri l-Unjoni Ewropea. U minbarra relazzjoni eqreb bejn in-Nadurin infushom, dan ikun anke ċans ieħor biex wieħed jifhem u jgawdi mill-benefiċċji ta’ xi tfisser li tkun parti mill-familja Ewropea.
Għax jemmen fl-għaqda Ewropea, dan il-Kunsill ħoloq ukoll ġemellaġġ ma’ Komun fi Sqallija, li riċentament intlaqat minn terremot, bil-Kunsill Għawdxi ġentilment offra li sakemm jgħaddu minn din il-burraxka, ir-residenti Sqallin ikunu milqugħa fin-Nadur.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din l-attività hi parti minn tmiem il-ġimgħa ta’ attivitajiet li l-Partit qed jorganizza f’Għawdex. Il-qofol tal-attivitajiet jintlaħaq fl-attività politika li se jkun qed jorganizza l-Ħadd filgħodu fil-Każin tal-Partit fin-Nadur stess.