It-tron tas-serje popolari Game of Thrones, magħruf bħala t-Tron tal-Ħadid, għall-aħħar jiem spikka fid-daħla tal-Belt Valletta, fejn matul dawn il-ġranet wieħed seta’ jinnota kju ta’ persuni jistennew biex jieħdu ritratt waqt li bilqegħda fuqu.
Dan it-tron tpoġġa fid-daħla tal-Belt fuq inizjattiva li qed issir f’diversi pajjiżi bħala parti minn kampanja promozzjonali tal-kumpanija Amerikana HBO, li f’pajjiżna hi rappreżentata minn Go.
Dan hekk kif mill-15 t’April li ġej f’pajjiżna se jiddebutta l-aħħar staġun, it-tmien wieħed, tas-serje Game of Thrones.
Din is-serje s’issa offriet 67 episodju waqt li fit-tmien staġun wieħed jista’ jgawdi minn sitt episodji oħra tant mistennija. Biżżejjed wieħed jinnota li matul is-seba’ staġun, Game of Thrones akkumula xejn inqas minn udjenza medja ta’ 31 miljun persuna bil-konsegwenza li sar l-iktar serje popolari fl-istorja ta’ HBO.
Game of Thrones għandu rabta ma’ pajjiżna. Dan hekk kif matul l-ewwel staġun ta’ din is-serje tant popolari, lura fl-2011, diversi episodji kienu ġew iffilmjat madwar Malta u Għawdex.
Fost dawn, il-bieb tal-Imdina u l-Pjazza ta’ Mesquita fl-istess belt, il-Kunvent ta’ San Duminku fir-Rabat, il-Forti Rikażli u Sant’Anġlu, il-Palazz Verdala fil-Buskett u l-Palazz ta’ San Anton u l-ġonna li jdawruh.
Dan apparti l-Irdum tal-Imtaħleb u t-Tieqa tad-Dwejra fost oħrajn.
Dawk interessati li jieħdu ritratt fuq dan it-Tron għandhom ċans sal-Ħadd 7 t’April biex jagħmlu dan u huma mħeġġa jtellgħu r-ritratt fuq Instagram bil-hashtag GofortheThrone.
//= $special ?>