Għawdex Knisja Lokali

Il-President iżur Għawdex

Min jimxi skont il-Vanġelu, anke mingħajr ma jkun konfessjonali, għandu jsib fih valuri u elementi li jgħinuh jibni soċjetà li tħares id-dinjità tal-persuna.

Kien b’dan il-ħsieb li l-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech ippreżenta kopja simbolika tal-Vanġelu bħala rigal lill-President il-ġdid ta’ Malta George Vella waqt żjara ta’ kortesija li l-Kap tal-Istat għamel lill-Kap tal-Knisja Għawdxija fil-Kurja Veskovili, fir-Rabat Għawdex.

Filwaqt li tenna l-appell tal-President tar-Repubblika b’risq l-għaqda fil-pajjiż, Mons Grech qal li l-vot unanimu li kiseb fil-Parlament hu xhieda li din mistennija tkun Presidenza ta’ għaqda. Għax bħala poplu żgħir, m’għandniex għalfejn noqgħodu nfettqu bejnietna.

Akkumpanjat minn għadd ta’ Uffiċjali tal-Kurja Għawdxija, flimkien ma’ Kappillani u Lajċi Għawdxin, Monsinjur Grech appella lill-President ta’ Malta biex permezz tat-talb u minkejja l-istorbju li hawn madwarna, isib il-ħin jisma’ xi ftit lil Alla x’qed jgħidlu fil-kuxjenza.

L-Isqof Grech awgura lill-President Vella u rringrazzjah għad-dikjarazzjoni li esprima fid-diskors waqt iċ-ċerimonja tal-ġurament. Hu qal li dak il-messaġġ wera li għandna quddiemna Presidenza li tista’ tirnexxi biss jekk naħdmu flimkien u nsostnuha.

Min-naħa tiegħu, akkumpanjat minn martu Miriam, il-President tar-Repubblika talab lil dawk preżenti biex iżommuh fit-talb tagħhom. Hu nnota kif f’dawn il-ħames snin, ma jridx ikun biss President ta’ denominazzjoni reliġjuża jew oħra, iżda bniedem li jżomm lill-pajjiż magħqud wara l-Kostituzzjoni.

Sadanittant, f’aktar laqgħat fil-gżira Għawdxija, il-President tar-Repubblika ltaqa’ wkoll mal-Ministru għal Għawdex u mad-Deputati Għawdxin eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista. U aktar tard, hu kellu l-okkażjoni wkoll jagħmel żjara ta’ kortesija fis-Santwarju Nazzjonali ddedikat lill-Madonna ta’ Pinu.