Internazzjonali

It-truppi ta’ Haftar jieħdu f’idejhom l-ajruport ta’ Tripli

Maqtula 5 suldati tal-Ġeneral Haftar fl-aħħar 24 siegħa

Tkompli teskala t-tensjoni fil-Libja wara lejl ieħor ta’ konfront dirett bejn il-forzi tal-Gvern u s-suldati alleati mal-Ġeneral Khalifa Haftar.

It-truppi ta’ Haftar  tant avvanzaw, li issa jinsabu fuq l-għatba tal-kapitali Tripli. Rapporti qed jindikaw ukoll li l-Armata Nazzjonali immexxija mill-istess Haftar, issa ħadet f’idejha l-kontroll tal-ajruport internazzjonali ta’ Tripli li jinsab 25km biss ‘il barra miċ-ċentru tal-kapitali.

Sorsi differenti qed jindikaw li l-qawwiet li qed jappoġjaw lill-Prim Ministru
Fayez al-Sarraj, li hu rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti, qed jużaw anke ajruplani tal-gwerra fir-ritaljazzjoni tagħhom. Fil-fatt, hemm rapporti li saru anke numru ta’ raids mill-ajru fuq it-truppi ta’ Haftar li fl-aħħar 24 siegħa komplew javvanzaw lejn iċ-ċentru.

Dan il-ġlied diġa’ ħalla numru ta’ nies ċivili midruba, filwaqt li sorsi qed jgħidu li matul il-lejl li għadda inqatlu ħames suldati mill-qawwiet tal-Ġeneral Khalifa Haftar.

Intant il-Ministri tal-grupp G7 wissew lill-uffiċjal militari Libjan Khalifa Haftar biex it-truppi tiegħu ma jersqux lejn Tripli, filwaqt li huma qegħdin jippruvaw jikkalmaw l-inkwiet fil-pajjiż.