Lokali Qorti

Jinħelsu mill-arrest wara li twaqqfu b’gambetta f’attentat ta’ serqa fuq anzjana

Tlett żgħażagħ tressqu l-Qorti b’akkużati li pruvaw jisirqu anzjana u użaw il-vjolenza fuqha fl-1 ta’ April fi sqaq f’Birkirkara għall-ħabta tal-12.15pm.

Jidher li Rumen ta’ 19-il sena flimkien ma’ żewġ sħabu oħra, waħda ta’ 19-il sena residenti Birkirkara u żgħażugħ ieħor ta’ 16-il sena mill-Iklin, avviċinaw lil anzjana ta’ 64 sena, Angela Muscat u serqulha l-basket.

Hekk kif l-anzjana bdiet tgħajjat magħhom, raġel li kien qed jagħmel xi xogħol f’garaxx viċin, ħareġ u ta gambetta liż-żagħżugħ li kellu l-baskett f’idu. Ir-raġel irnexxilu jieħodlu l-baskett u rritornah lura lill-anzjana, iżda ż-żgħażagħ irnexxilhom jaħarbu minn fuq il-post.

Wara rapport li sar, il-pulizija rnexxilha tiddentifika liż-żgħażagħ minn kameras tas-sigurtà li hemm fil-viċinanza.

Iż-żagħżugħ Rumen li għandu dsatax-il sena qal li hu m’għandux dar fejn joqgħod. Madanakollu, fl-awla kien hemm preżenti l-ġenituri addottivi tiegħu u qalu li se jkunu qiegħdin jgħinuh biex jerġa’ jgħix magħhom.

Il-Maġistrat Rachel Montebello tatu l-ħelsien mill-arrest bil-patt li jirritorna lura għand il-ġenituri tiegħu, biż-żagħżugħ jaqbel ma’ dan. Hu għandu wkoll kundizzjoni li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa u joħroġ mid-dar biss bejn it-8 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija.

Ir-Rumen se jkun ukoll qed jidħol għall-programm mhux residenzjali ta’ rijabilitazzjoni biex jgħeleb il-vizzju tad-droga filwaqt li ma jistax ikellem lil sħabu u l-anqas lill-anzjana li smat vittma taż-żgħażagħ.

Iż-żewġ żgħażagħ l-oħra ammettew l-akkużi u ngħataw il-ħelsien mill-arrest. Huma se jsirilhom pre-sentencing report.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Fabian Fleri u Elton Taliana.