Futbol Sport

Kean jerġa’ protagonist fir-rebħa ta’ Juventus fuq Milan

(Ritratt: EPA)
Roma jirbħu b'gowl fl-aħħar kwarta

Iż-żagħżugħ Taljan Moise Kean kompla jispikka għal Juventus meta ta tliet punti oħra liċ-champions Taljani b’rebħa ta’ 2-1 fuq Milan fl-Allianz Stadium. Kean daħal bħala sositut u sab ix-xibka biex skorja l-ħames gowl fl-aħħar erba’ logħbiet. Għal Milan din it-telfa hi daqqa ta’ ħarta oħra fl-aspirazzjonijiet li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa u fl-aħħar erba’ logħbiet kisbu punt.

Wara li ftit qabel kienu appellaw għal penalty li ma ngħatax fost protesti kbar, ir-Rossoneri li fetħu l-iskor fid-39 minuta meta minn żball ta’ Leonardo Bonucci, Tiemoue Bakayoko ħa l-ballun u qassam lejn Krzysztof Piatek li b’opportuniżmu għeleb lil Wojciech Szczesny b’xutt fil-baxx.

Juventus ġabu d-draw mas-siegħa logħob meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Matteo Musacchio fuq PAULO DYBALA, bl-istess plejer jegħleb lil Pepe Reina mill-11-il metru. Il-gowl rebbieħ wasal fl-84 minuta meta s-sostitut Miralem Pjanic għadda fil-kaxxa lejn MOISE KEAN li kkontrolla u għeleb lil Reina b’xutt għar-rokna.

Roma kisbu rebħa importanti meta għelbu l-isfida ta’ Sampdoria 1-0 fi Stadio Marassi. Il-gowl li ddeċieda l-logħba wasal kwarta mit-tmiem meta minn korner ta’ Aleksandar Kolarov, id-daqqa ta’ ras ta’ Nicolo Zaniolo ġiet salvata parzjalment minn Emil Audero iżda qrib tiegħu kien hemm il-captain DANIELE DE ROSSI li prattikament il-ballun ħabat miegħu u daħal fix-xibka.

Serie A

Illum: Parma v Torino 0-0, Juventus v Milan 2-1, Sampdoria v Roma 0-1,Għada:Fiorentina v Frosinone 12.30pm, Cagliari v Spal 3.00pm, Udinese v Empoli 3.00pm, Inter v Atalanta 6.00pm, Lazio v Sassuolo 6.00pm, Napoli v Genoa 8.30pm, It-Tnejn: Bologna v Chievo 8.30pm