Lokali

L-Għaqda tal-Konsumaturi mħassba dwar l-Abbozz li ser jemenda l-Att dwar il-Kompetizzjoni u lAtt dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur

L-Għaqda tal-Konsumaturi fi stqarrija esprimiet tħassib għal Abbozz li bħalissa qed jiġi diskuss fil-Parlament u li jinkludi tibdil kemm għall-Att dwar il-Kompetizzjoni kif ukoll għall-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumaturi kif ukoll xi liġijiet oħrajn.

Dan l-Abbozz qed isir wara deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali fl-2016 u xi deċiżjonijiet oħra tal-Qrati b’rabta mal-poter fil-liġi ta’ awtoritajiet pubbliċi, li allura mhux qorti, li dawn jimponu penalitajiet amministrattivi. Il-Qrati f’dawn id-deċiżjonijiet kienu qalu li penali amministrattiva li hi intenzjonata li tippenalizza min jikser il-liġi tista’ biss tiġi imposta mill-qorti.

L-Għaqda tal-Konsumaturi temmen li l-aktar soluzzjoni effettiva biex jiġi indirizzat dan il-punt hi li jsiru l-emendi fil-Kostituzzjoni ta’ Malta biex awtoritajiet pubbliċi anke jekk mhux qrati, ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet u jimponu penalitajiet amministrattivi meta tinkiser il-liġi.

L-Għaqda tqis li għandhom isiru emendi fil-Kostituzzjoni b’mod li jinżamm bilanċ fejn l-awtoritajiet pubbliċi jkunu jistgħu jieħdu passi effettivi f’waqthom biex irażżnu l-ksur tal-liġi waqt li jiġu mħarsa d-drittijiet għal smigħ xieraq ta’ min ikun soġġett għal penali quddiem qorti. L-Għaqda tqis li dan jista’ jsir billi linfurzar ta’ deċiżjoni ta’ awtorita’ pubblika li tippenalizza min jikser l-liġi tkun infurzabbli biss wara lgħeluq taż-żmien ta’ appell quddiem il-Qorti, u f’każ fejn isir appell wara li jiġi mitmum l-każ quddiem l-Qorti.

B’dan il-mod l-awtorita’ pubblika tkun tista’ taġixxi u tieħu l-passi li tqis meħtieġa waqt li jiġi mħares d-dritt ta’ kontestazzjoni tal-individwu jew entita’ kummerċjali konċernat quddiem il-qorti.

L-Għaqda tinnota li jekk ma jsirx it-tibdil meħtieġ fil-Kostituzzjoni jkun ifisser li kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-kompetizzjoni u mal-ħarsien tal-konsumaturi ser tibda tintefa quddiem il-qrati. Dan ifisser li ser ikun hemm aktar dewmien biex jittieħdu deċiżjonijiet b’detriment għall-konsumaturi u kumpaniji li jkunu qed jiġu effettwati ħażin b’abbuż minn kumpaniji oħra.

Tiddikjara wkoll li b’dan l-Abbozz l-Għaqda tqis li nkunu qed inġibu lill-Awtorita’ tal-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumaturi (MCCAA) bla saħħa u ineffettiva meta din ġiet imwaqqfa biex tieħu azzjoni malajr u effettiva biex tħares id-drittijiet tal-konsumaturi u ta’ dawk in-negozji li jkunu qed josservaw il-liġi.

“Għalina dan hu ta’ tħassib speċjalment meta Malta hi karetirizzata minn nuqqas ta’
kompetizzjoni sew minħabba ċ-ċokon tagħna u nuqqas ta’ infuzar tal-liġi tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk dan id-dewmien ser ikollu wkoll effett fuq Malta meta tkun qed tħajjar kumpaniji jiftħu hawn peress li kull kwistjoni ser tieħu wisq żmien biex tiġi risolta,” tiddikjara l-Għaqda tal-Konsumaturi.

L-Għaqda tinnota wkoll li dan l-Abbozz ivarja sew mill-proposti leġiżlattivi li kienu ġew mqiegħda għall-konsultazzjoni pubblika s-sajf li għadda. L-aktar tibdila importanti hi li l-MCCAA ser tibda titfa’ kollox quddiem il-qrati rrispetivament kemm ikun serju n-nuqqas.

“L-Għaqda tħoss li dan l-Abbozz ma jinkludix numru ta’ tibdil li konna ressaqna meta saret lkonsultazzjoni pubblika. Punt importanti li kien tqajjem kien li l-massimu tal-penalitajiet amministrattivi fil-każ tal-liġijiet li jħarsu l-konsumatur kienu baxxi wisq speċjalment meta tqis il-kobor ta’ xi kumpaniji. L-Għaqda kienet ukoll ikkritikat l-introduzzjoni tal-klawsola li meta l-MCCAA tkun ser tagħmel spezzjoni ta’ xi uffiċċji ta’ kumpaniji din trid toqgħod tistenna sakemm jasal l-avukat tal-kumpanija. Fuq tal-ewwel tajjeb ngħidu li anki l-UE bħalissa qegħda fil-proċess li tintroduċi penali aktar qawwija fil-każ ta’ ksur tal-liġijiet li jħarsu l-konsumatur waqt li fuq it-tieni, tali miżura tista’ tirriżulta li d-data miġbura ma tkun tfisser xejn għaliex l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni la għandu l-abbilta’ u lanqas il-mezzi biex jassigura li sakemm jistennew lill-avukat tal-kumpanija jidher fuq il-post, id-data importanti la tiġi mbagħbsa u lanqas imneħħiha,” jingħad fl-istqarrija.

L-Għaqda tinnota li l-miżuri kif proposti jistgħu wkoll iservu ta’ preċedent fir-rigward tal-poteri simili ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra li għandhom id-dmir ta’ infurzar tal-liġijiet, fejn allura jista’ jiġri li dawn ukoll jispiċċaw li biex jimponu sanzjonijiet, iridu ta’ bilfors imorru l-Qorti.