Futbol Sport

Lija jwaqqfu l-mixja pożittiva tar-Rangers

(Ritratt: Matthew Tabone)

ŻEBBUĠ RANGERS ………… 1 LIJA ATHLETIC ……………… 2

Żebbuġ R: J. Borg, D. Fava, R. Vella, H. Vella, S. Buhagiar (M. Camilleri 78’), S. Darmanin, B. Muscat, C. Brincat, J. Caetano da Silva, I. de Rocha Souza, G. de Sousa Braga

Lija A: L. Bonnici, J. Cassar, L. Muscat, D. Scerri, E. Beu, A. Azzopardi, A. Borg, A. Bello-Osagie, M. Clinch, C. Gauci, O. Sidibe

Referee: Sandro Spiteri

Lija temmew il-mixja pożittiva ta’ Żebbuġ b’rebħa ta’ 2-1 f’logħba bejn żewġ timijiet mingħajr problemi fil-klassifika u li fil-mument qed jilagħbu futbol tajjeb.

Lija fetħu l-iskor fit-22 minuta meta ERJON BEU għeleb lil Jurgen Borg b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa minn pożizzjoni angolata. Huma rduppjaw għaxar minuti wara meta Abubaker Bello-Osagie ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Clive Brincat, ir-referee ordna penalty li minnu ERJON BEU ma żbaljax.

Eżatt qabel intemmet l-ewwel taqsima, Żebbuġ naqqsu l-iskor meta Jose Lucas Caetano da Silva ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn McAllister Clinch. B’mod insolitu, l-istess da Silva qassam lejn IGOR DE ROCHA SOUZA, ix-xutt ta’ dan ġie salvat parzjalment minn Bonnici iżda l-ballun reġa’ wasal f’saqajn l-istess plejer ta’ Żebbuġ li din id-darba tefa’ fix-xibka.

Fit-tieni taqsima l-logħba naqset xi ftit mill-intensità tagħha, minkejja li ż-żewġ naħat kellhom il-mumenti u l-opportunitajiet tagħhom ta’ skor iżda dan baqa’ ma nbidilx.

Mqabba jirritornaw għar-rebħ

MQABBA …………. 2 SAN ĠWANN …… 1

Mqabba: F. Tabone, R. da Silva Gomes, D. Micallef, J.C. Martins (L. Suma 84’), G. Micallef, A. Ferreira, W. Borg, D. Azzopardi, F. Gusman (L. Meli 89’), C. Cutajar (L. Farrugia 73’), N. Micallef

San Ġwann: C. Formosa, R. Zammit, A. Cachia, C. Stewart, A. Borg (J.P. Attard 65’), C. Gauci, K. Gatt, J. Tanti, S. Hili, N. Melo Ferreira (N. Abouhaisa 65’), R. de Oliveira (P. Kanzurov 65’)

Referee: Stefan Pace

Mqabba rritornaw għar-rebħ għas-spejjeż ta’ San Gwann, li minn naħa tagħhom tilfu opportunità tad-deheb li jakkwistaw xi ħaġa minn dan il-konfront biex itejbu l-qagħda tagħhom fil-klassifika.

Fit-28 minuta Mqabba minn fuq meta Julio Cesar Martins zmarka lil DAVID AZZOPARDI u dan tefa’ fix-xibka b’xutt mill-ewwel. Żewġ minuti wara Mqabba rdoppjaw meta ALEXSANDRO FERREIRA rċieva pass preċiż u wara li avvanza, qabeż lill-gowlkiper avversarju u kkonkluda fix-xibka avversarja.

Fit-38 minuta San Ġwann kellhom ċans tad-deheb li fih setgħu naqqsu l-iskor meta Sergio Hili ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Julio Cesar Martins, ir-referee ordna penalty iżda x-xutt mill-11-il metru ta’ Renan de Oliveira ġie salvat minn Frederick Tabone.

San Ġwann naqqsu d-distakk fit-80 minuta meta Petar Kanzurov ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Frederick Tabone. Għal darba oħra r-referee ordna penalty li minnu SERGIO HILI ma falliex.

Rebħa prezzjuża għal Qrendi

MARSA …………. 2 QRENDI ………… 3

Marsa: K. Brincat, S. Zampa, J. Bonello, J. Lovegrove, J. Theuma (L. Ciantar 72’), R. Gatt de Raffaele, S. Briffa, O. Cristiani, H. Kawamura, A. Watanabe, R. Gafa

Qrendi: J. Farrugia, D. Micallef, B.n Bondin, M. Busuttil, C. Caruana, D. Sammut (K. Abela 51’), M. Barbara (L. Brincat 46’), J. Spiteri, J.P. da Silva Vargas, C. Quaranta (D. Maartini 90’), J. Silveira da Silva

Referee: Slobodan Petrovic

Qrendi kisbu rebħa ferm diffiċli kontra t-tim tal-qiegħ Marsa biex kisbu tliet punti ferm prezzjużi, tliet punti li probabbilment bihom isalvaw mir-relegazzjoni anki jekk xorta waħda jkollom bżonn play-off ma’ tim mit-Tieni Diviżjoni.

Marsa lagħbu waħda mill-aħjar logħbiet tagħhom iżda finalment xorta waħda ħarġu b’idejhom vojta. Fit-23 minuta Qrendi fetħu l-iskor meta DARYL MICALLEF għeleb lil Keith Brincat b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jispiċċa fix-xibka.

Qrendi ma damux igawdu dan il-vantaġġ għax minuta biss wara Marsa għamlu l-iskor indaqs meta HIDEYUKI KAWAMURA għeleb lil Jeffrey Farrugia b’xutt fil-baxx minn żewġ passi bogħod.

Fid-49 minuta Marsa marru minn fuq meta Ryan Gafa żmarka lil HIDEYUKI NAKAMURA, dan avvanza u kkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx. Qrendi ppruvaw jagħmlu reazzjoni u ftit wara s-siegħa logħob free-kick insidjuż ta’ Ciro Quaranta ġie mdawwar għal korner minn Keith Brincat u mill-istess korner, LUCA BRINCAT ikkonkluda fix-xibka b’daqqa ta’ ras.

Disa’ minuti mit-tmiem Qrendi skorjaw il-gowl rebbieħ meta JONATHAN SILVEIRA DA SILVA għeleb lil Brincat b’xutt bid-dawra minn barra l-kaxxa.