Sport Sport Ieħor

Luxol champions tal-futsal lokali bit-tielet rebħa minn tlieta fuq Valletta fil-finali tal-play-off

(Ritratt: Joe Borg)

Luxol aċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat hekk kif ilbieraħ rebħu t-tielet finali tal-play-off kontra Valletta 8-4 f’logħba eċċitanti u tipika ta’ dawn il-finali. Għal Valletta dan kien diżappunt li ma rnexxielhomx jiddefendu t-titlu li rebħu l-istaġun li għadda. Huma jitfgħu l-attenzjoni lejn il-finali tan-knock-out kontra l-istess Luxol biex jippruvaw itemmu l-istaġun fuq nota pożittiva.

Luxol kisbu vantaġġ doppju mill-captain Mark Zammit li fetaħ l-iskor fis-sitt minuta u rdoppja żewġ minuti wara. Nicola Del Re għamilhom 3-0 sakemm Gia Nikvashvili naqqas id-distakk għal Valletta minn penalty. Madankollu reġa’ kien Del Re li 47 sekonda mit-tmiem tat-taqsima daħħal lil Luxol 4-1 fil-vantaġġ.

F’dan l-istadju, Valletta kellhom ikunu aktar avventurużi biex isalvaw il-logħba iżda wara li Celino Alves laqat il-mimduda, Leanderson Sant’ Anna Coriolano skorja l-ħames gowl ta’ Luxol.

Ħafna ħasbu li l-logħba kienet mitmuma, iżda Valletta rnexxielhom jidħlu fil-logħba b’doppjetta ta’ Shawn Vella u t-tieni gowl fil-logħba ta’ Nikvashvili. B’riżultat parzjali ta’ 5-4, il-logħba żiedet fit-tensjoni, biż-żewġ timijiet ikollhom plejer imkeċċi. L-ewwel kien il-Georgjan Nikvashvili li rċieva t-tieni karta safra u ftit wara Maicon Silva tkeċċa għal Luxol.

Luxol għalqu l-logħba b’gowls minn Del Re u Sant’ Anna Coriolano, b’Emil Raducu jissiġilla r-rebħa fl-aħħar sekondi tal-logħba. Qabel tmiem il-logħba tkeċċa wkoll Shawn Vella ta’ Valletta għat-tieni karta safra. Mat-tisfira finali bdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers ta’ Luxol, bid-Deputat Segretarju Ġenerali tal-MFA Louis Micallef jippreżenta t-trofew lill-captain Mark Zammit.

Intant, it-tim tal-Università ta’ Malta kiseb il-promozzjoni għall-ogħla diviżjoni b’rebħa ta’ 3-0 kontra t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United fi play-off għall-promozzjoni. L-istaġun li jmiss, il-kampjonat hu maħsub li se jkun fuq żewġ diviżjonijiet.

Logħob li jmiss

It-Tnejn

Promotion Play-off

Padiljun Sportiv ta’ Kordin

Tarxien R. v Pietà H.     8.15pm

Il-Ħamis

Finali tan-knock-out

Padiljun Sportiv ta’ Kordin

Valletta v Luxol             8.15pm