Sport Sport Ieħor

Malta tagħlaq b’midalja tad-deheb, sitta tal-fidda u tlieta tal-bronż fil-Kampjonat tal-Mediterran tat-Ten Pin Bowling

Sodisfazzjon għat-tim Malti fl-aħħar ġurnata tal-Kampjonat tal-Mediterran li sar f’pajjiżna. Mauro Anastasi rebaħ il-midalja tal-fidda fil-Masters tal-irġiel filwaqt li Sue Abela u Sara Xuereb rebħu l-midalja tal-fidda u tal-bronż fil-Masters tan-nisa. It-tliet plejers Maltin ikkwalifikaw għal din l-aħħar kompetizzjoni wara li bit-total tagħhom fl-erba’ kompetizzjonijiet, spiċċaw mal-ewwel tmienja.

Mauro Anastasi għeleb lil Javier Moreno fil-kwarti tal-finali. Hu kellu bżonn riżultat pożittiv fit-tieni u l-aħħar rawnd b’235 punt biex spiċċa b’total ta’ 429 punt kontra l-403 punti ta’ Moreno.

Fis-semifinali, Anastasi kellu bżonn riżultat simili wara li fl-ewwel rawnd ġab tliet punti anqas minn Julian Keller. Fit-tieni rawnd hu kiseb 238 punt biex spiċċa b’total ta’ 442 punt kontra l-404 punti ta’ Keller. Iżda fil-finali hu kien megħlub minn Taygun Erkeskin li kiseb 392 punt kontra t-353 punt ta’ Anastasi.

Fis-sezzjoni tan-nisa, Sue Abela eliminat lil Eliave Adva b’total ta’ 397 punt kontra t-310 punti filwaqt li Sara Xuereb rebħet logħba missielta kontra Ebru Ozogluuntur   . Xuereb ġabet 418-il punt, wieħed aktar mill-avversarja.

Fis-semifinali, Abela għelbet lil Martha Karatzoula       434-368 iżda Sara Xuereb kienet megħluba minn Delphine Labille 428-376. Il-Franċiża spiċċat rebħet il-finali kontra Abela. Fl-ewwel rawnd, Labille ġabet 183 punt, żewġ punti aktar minn Abela. Il-logħba baqgħet inċerta sal-aħħar mumenti, b’Labille tikseb punteġġ finali ta’ 396 punt, tlieta aktar minn Abela.

B’hekk Malta spiċċat fil-ħames post fil-klassifika finali, b’midalja tad-deheb, sitta tal-fidda u tlieta tal-bronż. Id-deheb ġiet mirbuħa minn Sue Abela u Sara Xuereb fid-doubles tan-nisa.

Mauro Anastasi rebaħ tliet midalji tal-fidda fil-Masters, fl-individwali u fit-total tal-avvenimenti. Sue Abela kisbet l-istess riżultati ta’ Anastasi, filwaqt li f’dawn l-istess tliet kompetizzjonijiet, Sara Xuereb spiċċat tliet darbiet it-tielet.

Il-plejer Malti l-ieħor Justin Caruana Scicluna naqas li jikseb midalja u jiddefendi b’suċċess il-kompetizzjoni individwali li rebaħ fl-aħħar edizzjoni.

Malta organizzat dawn il-Kampjonati għat-tielet darba. Din it-22 edizzjoni attirat numru rekord ta’ parteċipanti, b’total ta’ 16-il pajjiż qed jieħdu sehem. Il-Portugall, il-Kosovo u l-Eġittu kkompetew għall-ewwel darba.