Futbol Sport

Mosta jsalvaw punt wara li kellhom vantaġġ doppju

(Ritratt: Domenic Aquilina)

MOSTA…………… 3 FLORIANA…….. 3

Mosta: A. Vella, G. Cuomo, T. Farrugia, R. Morisco, D. Bonnici, F. Franchini, D. Xuereb (J. Brincat 65’), D. Imeri, R. Ekani, A. Roach, D. Angan

Floriana: I. Akpan, A. Cini, E. Ruiz, J. Pisani, A. Oyama, E. Marcelina, C. Borg (G. Cesani 59’), B. Paiber, U. Arias, K. Keqi (T. Vella 74’), T. Galvao da Silva (D. Agius 88’)

Imwissija: D. Xuereb 55’ (M)

Skorjaw: A. Roach 13’, D. Imeri 18’, J. Brincat 82’ (M), K. Keqi 36’, A. Oyama 56’, T. Vella 79’ (F)

Referee: Luis Miguel Teixeira (Andorra)

Assistenti Referees: Manuel Fernandes, Rui De Queiros (Andorra)

Il-mument Plejer tal-logħba: Akeem Roach (Mosta)

Attendenza: 559

Mosta u Floriana ħadu punt kull wieħed meta spiċċaw fi draw ta’ 3-3. Għal Mosta dan kien it-tieni draw konsekuttiv filwaqt li għal Floriana dan kien il-ħames riżultat konsekuttiv bla telfa.

Il-Mostin kellhom vantaġġ doppju kmieni fil-logħba, iżda Floriana baqgħu konċentrati u saħansitra rnexxielhom imorru fil-vantaġġ. Madankollu sofrew il-gowl tad-draw ftit wara.

Mosta bnew vantaġġ doppju wara 18-il minuta. Kien fit-13-il minuta li fetħu l-iskor meta Rodriguez Ekani qassam lejn AKEEM ROACH li b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Ini Akpan. Ħames minuti wara kien DEMIR IMERI rdoppja meta ħasad lil Akpan u b’xutt mid-distanza qabbeż fuq il-gowlkiper Furjaniż.

Floriana naqqsu d-distakk fit-38 minuta. Kien kross mix-xellug ta’ Arthur Oyama lejn Emerson Marcelina li bir-ras kompla lejn KRISTIAN KEQI li skorja mill-viċin.

Il-Furjaniżi ħarġu aktar aggressivi fil-bidu tat-tieni taqsima u ġabu d-draw fis-56 minuta bi free-kick ta’ Brandon Paiber fuq it-tieni lasta jsib lil ARTHUR OYAMA li skorja b’daqqa ta’ ras.

Floriana saħansitra marru qrib it-tielet gowl fis-70 minuta b’ħarba tajba ta’ Tiago Galvao da Silva iżda x-xutt finali kien imdawwar f’korner minn Andreas Vella. It-tim ta’ Ugolotti mar minn fuq fid-79 minuta b’TERENCE VELLA jxellef għal ġewwa xutt ta’ Brandon Paiber.

Iżda Mosta ġabu d-draw tliet minuti wara, bi kross fil-baxx ta’ Imeri mil-lemin jgħaddi tul il-lasta lejn JAMES BRINCAT li skorja mill-viċin. Il-Mostin setgħu anki rebħu l-logħba lejn it-tmiem meta Tyrone Farrugia tefa’ ballun fit-tul lejn Ekani iżda t-tentattiv tiegħu kien salvat minn Akpan.