Lokali

Persuni rieqda taħt il-loġoġ fil-Floriana

"Din ix-xena saret qisha normali għalina l-Furjaniżi"

Bit-temp kiesaħ matul il-lejl, persuni xorta waħda qed jibqgħu jidhru jorqdu barra. Dan is-sit irċieva ritratt ta’ persuna rieqda barra Taħt il-Loġoġ fil-Floriana. Residenti li tkellmu magħna qalulna li din qisha saret norma fil-Floriana, fejn mhux l-ewwel darba li nies dehru reqdin fit-toroq, fil-ġonna u anki fis-subways.

Il-persuna li tkellmet magħna qaltilna li din “hija l-problema reali fil-lokalità”. Hija sostniet li fil-Floriana kien il-PN biss li tkellem dwar din il-problema reali li l-lokalità Furjaniża qed tkun affrontata.

F’Malta l-problema ta’ nies li jgħixu fil-faqar tant kibret li minkejja li f’kummenti li kienu tawna l-YMCA, hi biss tista’ toffri saqaf għal 30 persuna. Ta’ kuljum qed ikollhom ukoll ħames talbiet oħra li jispiccaw jirrifjutaw. Dan apparti li joffru servizzi ta’ ikel, ħwejjeġ u terapija lil persuni fil-bżonn u li ma jaffordjawhomx.

L-isfida tant kibret u l-prezz tal-kirjiet tant żdied li l-YMCA kellha testendi l-perjodu li wieħed jgħix għandha għal tmintax-il xahar. Minkejja li dawn il-familji ġew megħjuna biex ifaddlu xi ħaġa, xorta m’għandhomx biżżejjed.

F’mistoqsija fil-Parlament ħareġ li 60 garaxx inbidlu f’residenzi, bil-poplu Malti mhux jaffordja li jgħix għajr biss li jikri garaxx biex ikollu saqaf f’rasu. Ma nistgħux ma nagħmlux referenza għan-numru li ħarġu bosta esperti li llum il-ġurnata 300 persuna qed jgħixu fil-karozzi.

Fis-snin li ilu fil-Gvern il-Partit Laburista, kien hemm żieda fl-applikazzjonijiet għall-housing soċjali. Fl-aħħar snin ma sar l-ebda żvilupp fuq binjiet tal-housing soċjali. Dan ir-riżultat jirrifletti ftit mill-ħafna problemi li hemm f’dan is-settur u li mhux qed jiġu indirizzati mill-Gvern.

Adrian Delia l-Ġimgħa f’Ħ’Attard qal li l-Gvern Soċjalista tilef ir-ruħ soċjali u għandu biss il-kilba għall-poter. Huwa qal li l-Maltin u l-Għawdxin qegħdin iħallsu prezz għoli għall-korruzzjoni. Dan għaliex il-korruzzjoni qed tiġi tiswa lill-poplu Malti aktar minn €725 miljun fis-sena. Il-Kap tal-PN qal li kieku m’hawnx din il-korruzzjoni, nkunu nistgħu ngħinu lil min jeħtieġ il-mediċini, min għandu bżonn il-housing soċjali u nagħtu s-sostenn li min għandu bżonn.