SENGLEA ATHLETIC ……….. 2 ĦAMRUN SPARTANS ………… 2
Senglea: M. Farrugia, Z. Cassar, J. Leyton, S. El Mehdi, G. Camilleri, D. Venancio, M. Garcia, G. Virano, L. Grech (B. Schembri 89’), T. Marukawa,A. Caseres
Ħamrun: M. Bartolo, K. Micallef, O. Nikolopoulos, E. Pepe, A. Scicluna, T. Caruana, C. Borg (S. Nayar 52’), C. Calil (R. Darmanin 74’), M. Criaco, C. Henneberg, K. Tulimieri
Imwissija: C. Henneberg 50’, T. Caruana 77’ (Ħ), M. Garcia 75’, A. Caseres 78’ (S)
Tkeċċa: A. Caseres 90’ (S)
Skorjaw: L. Grech 32’, T. Marukawa 63’ (S), K. Tulimieri 53’, C. Henneberg 79’ (Ħ)
Referee: Darryl Agius
Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Duncan Spencer
Il-mument Plejer tal-logħba: Leighton Grech (Senglea Athletic)
Ħamrun Spartans waqqgħu żewġ punti importanti fit-taqtigħa li jiksbu post fl-Ewropa meta spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra Senglea Athletic, f’logħba li l-Ħamruniżi kellhom jirkupraw darbtejn minn gowl minn taħt. Għal Senglea dan il-punt ikompli jgħinhom fit-tentattiv li jsalvaw posthom mal-kbar għal staġun ieħor.
Ħamrun ħarġu l-aktar tim fuq l-attakk fl-ewwel minuti iżda l-ewwel tentattiv serju wasal wara 17-il minuta b’xutt ta’ Caetano Calil ikun imdawwar f’korner minn Matthew Farrugia. Żewġ minuti wara fuq in-naħa l-oħra, Manuel Bartolo salva daqqa ta’ ras ta’ Gary Camilleri minn korner.
Senglea fetħu l-iskor fit-32 minuta meta f’kontrattakk veloċi, LEIGHTON GRECH irċieva l-ballun, avvanza, daħal fil-kaxxa u għeleb lil Manuel Bartolo b’xutt fuq il-ġirja.
Ħamrun kważi ġabu d-draw qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn kross ta’ Marco Criaco, ix-xutt ta’ Kevin Tulimieri stampa mal-lasta. Żewġ minuti wara, Tulimieri reġa’ ġie mċaħħad mill-mimduda.
It-tim ta’ Giovanni Tedesco ħareġ ifittex il-gowl fit-tieni taqsima u fil-51 minuta Matthew Farrugia dawwar f’korner xutt ta’ Tulimieri. Mill-istess korner ta’ Triston Caruana wasal il-gowl tad-draw, b’KEVIN TULIMIERI jogħla tajjeb biex b’daqqa ta’ ras għar-rokna tax-xibka għeleb lil Matthew Farrugia.
Senglea reġgħu marru fil-vantaġġ fit-63 minuta, b’Leighton Grech isib lil TAISEI MARUKAWA li skorja minn qagħda ideali. Risposta immedjata ta’ Ħamrun erba’ minuti wara, b’Tulimieri jerġa’ jkun perikoluż meta prova b’konklużjoni wara li qabeż żewġ avversarji, iżda x-xutt ġie blokkat minn Matthew Farrugia.
L-Ispartans reġgħu laqtu l-lasta din id-darba b’daqqa ta’ ras ta’ Enrico Pepe, iżda l-gowl tad-draw wasal fid-79 minuta meta minn free-kick fit-tul ta’ Triston Caruana, id-difiża ta’ Senglea naqset li tbiegħed il-periklu bil-ballun jispiċċa għand CARLOS HENNEBERG li mill-viċin għeleb lil Farrugia.
It-tim tal-Isla spiċċa l-logħba bi plejer anqas għat-tieni karta safra tal-attakkant Augusto Caseres, iżda Ħamrun ma kellhomx żmien biżżejjed biex jagħfsu aktar għall-gowl tar-rebħa.
//= $special ?>