Futbol Sport

Rebħiet kbira għal Leicester u rebħiet prezzjużi għal Burnley u Crystal Palace

(Ritratt: Premier League)

Burnley u Crystal Palace kisbu rebħiet prezzjużi barra minn darhom biex tbiegħdu miż-żona l-ħamra fl-aktar perjodu delikat tal-Premier League Ingliż. Dan ukoll meta ħraxet il-ġlieda li se tiddetermina t-tielet tim li jitlef postu mill-ogħla diviżjoni wara li Huddersfield Town u Fulham spiċċaw relegati għaċ-Championship.

Is-suċċess ta’ Burnley kontra Bournemouth (3-1) fil-Vitality Stadium ifisser pass kbir lejn is-salvazzjoni u meta huma kienu kapaċi jwieġbu tliet darbiet għall-gowl tal-ftuh taċ-Cherries li wasal wara biss erba’ minuti minn awto gowl ta’ Barnes.

Intant il-Clarets wieġbu bl-aħjar mod għal din id-disfatta b’żewġ gowls fi spazju ta’ żewġ minuti minn Wood (18) u Westwood (20) biex daħlu jistrieħu b’vantaġġ minimu. Fit-tieni taqsima kien imiss lil Barnes li jpatti għall-iżball inizjali meta, fil-56 minuta, irċieva mingħand Wood biex għeleb lill-gowlkiper Begovic għat-tielet u l-aħħar darba.

Crystal Palace jidhru li għamlu biżżejjed biex jaċċertaw posthom fl-ogħla diviżjoni b’rebħa fuq Newcastle (1-0) f’St James Park. Palace għandhom anki differenza ta’ gowls superjuri li wkoll għandha tagħmel id-differenza fiċ-ċirkustanzi.

Il-gowl deċiżiv tal-konfront wasal għaxar minuti mit-tmiem grazzi għall-penalty skorjat minn Luka Milivojevic, wara li DeAndre Yedlin ikkommetta fawl ċar fil-kaxxa fuq Wilfried Zaha.

Jamie Vardy skorja darbtejn fir-rebħa ta’ 4-1 ta’ Leicester City fuq Huddersfield Town, b’din tkun anki r-raba’ rebħa konsekuttiva għall-Foxes fil-kampjonat, kemm ilhom taħt it-tmexxija ta’ Brendan Rodgers.

Il-gowl tal-ftuħ wasal fl-24 minuta meta d-difiża tat-Terriers ma qalgħetx il-ballun minn pożizzjoni perikoluża u b’Youri Tielemans jispara għal ġewwa minn tarf il-kaxxa.

Intant, kien tard fit-tieni taqsima li Leicester ħadu kmand assolut tal-logħba, b’Vardy jirdoppja fit-48 minuta u b’Aaron Mooy jikkonverti penalty tliet minuti wara biex naqqas id-distakk għal Huddersfield. Il-Foxes imbagħad żiedu żewġ gowls oħra minn Maddison (79) u  penalty ta’ Vardy, fl-84 minuta wara l-fawl ta’ Soyuncu fuq Grant.