Lokali

Żieda ta’ 50% fil-prezz tal-proprjetà f’sentejn

Arkivji

Fi żmien sentejn, il-prezz tal-proprjetà f’Malta żdied bi kważi 50% bil-konsegwenza li m’għadux possibbli li persuni li jaqilgħu paga medja jiksbu self diċenti mill-bank biex isiru sidien ta’ djarhom.

Dan joħroġ minn analiżi tas-settur tal-proprjetà li wettaq is-sit LovinMalta fuq informazzjoni miksuba minn aġenti tal-proprjetà .. analiżi li turi li l-Maltin qed isibuha bi ttqila biex ilaħħqu ma’ settur li l-prezzijiet tiegħu huma ogħla mill-valur reali.

Il-figuri bejn Diċembru tal-2016 u Marzu ta’ din is-sena juru li madwar il-pajjiż kienet irreġistrata żieda medja ta’ 47%, biż-żieda saħansitra taqbeż is-60% jekk wieħed iħares lejn it-tramuntana u x-Xlokk tal-pajjiż kif ukoll l-inħawi madwar il-Port il-Kbir.

L-ikbar żieda kienet fit-Tramuntana tal-pajjiż fejn kienet irreġistrata żieda ta’ 79% fuq sentejn bil-prezzijiet deskritti minn esperti tas-settur bħala l-kuntrarju ta’ dak li qed tesperjenza l-industrija … bi tnaqqis fil-bejgħ propju minħabba ż-żidiet mhux realistiċi.

Dan l-istudju jkompli jikkonferma studju ieħor, din id-darba mid-ditta KPMG u kkummissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi.

Studju li wera’ kif il-prezz medju ta’ appartament fl-2017 zdied b’24 fil-mija meta mqabbel mal-2016 u li kien hemm żieda qawwija wkoll ta’ 21% fil-prezzijiet ta’ maisonettes u żieda ta’ 22% fil-prezzijiet ta’ penthouses meta mqabbla mal-2016.

L-istess studju wera wkoll li bħala konsegwenza ta’ din iż-żieda qawwija f’temp ta’ sena, l-affordabilita’ ta’ dawn il-postijiet ħadet daqqa ‘l isfel.

U l-prezzijiet mistennija jkomplu jiżdiedu, tant li ċifri tal-Eurostat ippubblikati f’Ottubru tas-sena li għaddiet urew kif pajjiżna rreġistra t-tieni l-ikbar żieda fil-prezz tal-proprjetà minn fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.

Skont din l-istatistika turi li meta tqabbel mal-ewwel tliet zhur tas-sena, il-prezzijiet tad-djar u l-appartamenti f’Malta żdiedu b’3.2 fil-mija. Fuq perijodu ta’ sena, iż-żieda kienet saħansitra akbar: 5.7 fil-mija.

Dawn iż-żidiet huma ta’ tħassib għall-popolazzjoni Maltija hekk kif ċifri tal-NSO għall-aħħar kwart tas-sena li għaddiet urew li l-paga medja f’Malta naqset meta mqabbel mas-sena preċedenti. Riċerka tas-sit LovinMalta turi wkoll li persuna li taqla’ paga medja tista’ tirċievi self sa massimu ta’ €120,000 waqt li koppja tirċievi sa massimu ta’ €235,000 bil-konsegwenza li mhux kapaċi jlaħħqu mal-prezz tas-suq biex jixtru proprjetà.