Lokali

64 immigrant bejn sema u ilma bit-tama li xi ħadd jiftħilhom il-bieb

Il-Gvern għadu sieket.

Dan hekk kif il-ġejjieni tal-64 immigrant abbord il-bastiment Ġermaniż Alan Kurdi għadu misteru. Preżentament il-vapur jinsab f’ibħra internazzjonali ftit ‘il barra mill-ibħra Maltin hekk kif allegatament kemm Malta kif ukoll l-Italja ta’ Salvini qed jirrifjutaw li jagħtu kenn lil dawn il-bnedmin li jinsabu bejn sema u ilma qalb il-maltemp.

Il-vapur tal-Għaqda Ġermaniża Sea Eye ġie rrifjutat milli jidħol fil-Port ta’ Lampedusa fejn sussegwentament ingħata l-għażla li jinżlu biss l-ommijiet u t-tfal. Madanakollu l-għaqda non governattiva pprotestat l-għaliex ma ratx raġuni valida sabiex jisseparawhom mill-missirijiet.

Fuq il-midja soċjali ta’ Twitter, membri tal-ekwipaġġ sostnew li l-ikel u x-xorb qed jiġi mqassam ugwalment, razzjonat sabiex iservi fit-tul u jkun hemm għal kulħadd, madanakollu konxji li l-provvista ser tispiċċa fil-jiem li ġejjin. Permezz ta’ filmat ippublikat onlajn huma appellaw lill-Prim Ministru Joseph Muscat sabiex itihom l-għajnuna – madanakollu s’issa l-Gvern għadu b’fommu sieket.

Benjamin, immigrant abbord l-Alan Kurdi, sostna li fil-Libja qed iqisu lill-persuni ta’ karnaġjon skur bħala skjavi – fejn saħansitra qed jikkumerċjaw l-umani. Huwa insista li l-Libja huwa pajjiż korrott u tal-waħx fejn appella lill-ġenituri sabiex ma jibgħatux lill-uliedhom ġewwa dan il-pajjiż hekk kif iddeskrivieh bħala pajjiż mhux ċivilizzat.

Intant, Papa Franġisku sostna li l-popli ma jistgħux jitwerwru mill-immigranti. Huwa saħaq li aħna stess immigranti, Ġesù Kristu kien wieħed minnhom ukoll. Il-Papa sostna li bosta jgħidu li huma kriminali madanakollu fakkar li l-akbar kriminalità fl-Italja hija konnessa mal-Mafia, u din ċertament ma ħolquhiex l-Afrikani.