Lokali

Adrian Delia qalb in-nies fis-Siġġiewi

Qabel l-attività politika fil-Każin tas-Siġġiewi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sab il-ħin jiltaqa’ ma’ għadd ta’ persuni li kienu qed jisimgħu l-Quddiesa fil-Knisja Parrokkjali.

Wara, hu mar ukoll fil-Pjazza tal-lokalità u kellem lil għadd ta’ persuni li, ta’ kull nhar ta’ Ħadd, ikunu bilqegħda fuq il-bankijiet. Adrian Delia qagħad jitkellem magħhom u jismagħhom jispjegaw id-diffikultajiet u l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom.

Segwa wkoll parti mill-Purċissjoni fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Ħadd il-Palm, li laħqet il-qofol tagħha fil-Pjazza tas-Siġġiewi.

Sadanittant, fi tmiem l-attività politika, hu żar il-boutique hotel Pjazza Suites, li kienet inawgurata riċentament.

Mal-propjetarji tal-boutique hotel, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista żar il-post akkumpanjat mill-Viċi Kapijiet tal-Partit Robert Arrigo u David Agius, kif ukoll mis-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

Il-lukanda se tkun qed tilqa’ l-ewwel klijenti tagħha fil-jiem li ġejjin u għalhekk, il-Ħadd kienet ġurnata fejn il-pubbliku seta’ jżur u jara l-post.