Lokali

Aktar minn 76 pakkett kokaina maqbuda fil-Port Ħieles

Suċċess ieħor għad-Dipartiment tad-Dwana hekk kif instabu ‘il fuq minn 91Kg kokaina bil-valur li jlaħħaq ‘il fuq minn €10 miljun.

Is-sejba twettqet f’żewġ kontejners separati fil-Port Ħieles waqt tfittxija ta’ rutina. Din id-darba d-droga nstabet moħbija fil-kumpressuri tal-kontejners mimlija frott fejn b’kollox instabu total ta’ 76 pakkett.

Fl-ewwel kontejner instabu 38 pakkett bid-droga tlaħħaq il-45.6 kilogramma b’valur fit-triq ta’ €5.13 miljun. Dan filwaqt li fit-tieni kontejner instabu 38 pakkett ieħor bl-istess piż u valur fit-triq.

Għaldaqstant b’kollox instabu 91.2 kilogramma kokaina għal valur totali ta’ €10.26 miljun.

Iż-żewġ kontejners kienu fi triqithom lejn pajjiż fl-Unjoni Ewropea mill-Amerika t’Isfel.

Bil-każ ġew informati l-Uffiċċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga li għaddejjin bl-investigazzjonijiet. Dan filwaqt li nfetħet inkjesta Maġisterjali assistiti minn tim ta’ esperti mill-Iskwadra Forensi tal-Pulizija.