Lokali

Għaxart ijiem ta’ iżolament għad-Diabetic Foot Ward f’Mater Dei

Jirriżulta li f'din is-sala partikulari hemm il-mikrobu VRE u sa issa għadhom ma sabux irkabtu tiegħu

Vancomycin-resistant enterococci (VRE). Dan hu l-isem ta’ mikrobu li ilu jippersisti fid-Diabetic Foot Ward fl-Isptar Mater Dei għal dawn l-aħħar għaxart ijiem.

Minħabba f’hekk, din is-sala hi waħda taħt iżolament u ħadd ma jista’ jidħol fiha bħala miżura ta’ prekawzjoni. F’din is-sala jkun hemm pazjenti li jkollhom feriti f’riġlejhom relatati maċ-ċirkolazzjoni.

Ġeneralment f’din is-sala partikulari jiddaħħlu pazjenti li jkollhom problemi serji konnessi mad-dijabete u li probabbilment iwasslu għall-amputazzjoni tar-riġlejn jew partijiet minnhom.

Din hi sala pjuttost ġdida minħabba li nfetħet ftit tax-xhur ilu biss. Mhux magħruf kif il-mikrobu VRE infiltra f’din is-sala iżda li hu fiċ-ċert attwalment hu li min jieħu ħsieb din is-sala qed jieħu l-prekawzjonijiet kollha possibbli biex dan il-mikrobu ma jkomplix jinfirex u jinxtered ma’ swali oħrajn fl-isptar.

Hu fatt magħruf li dan il-mikrobu partikulari jinfirex bl-aktar mod faċli sempliċiment b’kuntatt minn persuna għall-oħra.

Il-pazjenti rikoverati f’din is-sala partikulari huma meqjusa bħala pazjenti mill-aktar dgħajfa u fraġli tant li l-proċess ta’ fejqan għalihom wisq probabbli jieħu ferm aktar fit-tul.

Jirriżulta li f’dawn l-aħħar għaxart ijiem dawn il-pazjenti kellhom ftit li xejn viżti permessi, u dan bħala prekawzjoni.

Minbarra t-tlettax-il pazjent rikoverat f’din is-sala, fil-jiem li għaddew ma tħallewx jiddaħħlu aktar pazjenti biex anki fost l-istess pazjenti dan il-mikrobu jkun kontrollat kemm jista’ jkun.

Sadattant, minn swali oħrajn fl-istess Sptar Mater Dei waslulna diversi ilmenti kif il-kwalità tal-ikel qed tkun waħda mill-aktar medjokri.

Sorsi qalu li dwar dan huma tkellmu ma’ min imexxi s-swali rispettivi, iżda ftit li xejn ingħataw xi tip ta’ sodisfazzjon pożittiv għaliex l-ikel mhux ta’ kwalità, kien u hekk baqa’.

Rapporti oħrajn minn ċerti swali huma dwar ċerti prodotti li qed jiskarsaw jew inkella li flokhom qed jittiħdulhom prodotti ta’ kwalità inferjuri. Fost l-oġġetti msemmija kien hemm il-ħrieqi għall-anzjani.