Lokali

Ġlied fost il-Laburisti f’Għawdex

F’Għawdex ukoll qed tinħass issa bil-kbir il-ġlieda bejn id-delegati tal-Partit Soċjalista, partikularment dawk tal-Ministru Justyne Caruana, tal-eks Ministru Anton Refalo u tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.

Dawn l-elezzjonijiet għall-Kumitat tal-Lokalitajiet fil-Partit Soċjalista din id-darba għandhom sinifikat aktar importanti fid-dawl tal-fatt li qed isiru fl-isfond tad-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li bi ħsiebu jirriżenja mill-karigi tiegħu ta’ Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Soċjalista fix-xhur li ġejjin.

It-tellieqa f’Malta biex jittieħed il-post tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Soċjalista issa qabdet ritmu sottili qawwi u dan  issa hu rifless ukoll f’dak li qed jiġri fost il-Kumitati tal-Lokalitajiet f’Għawdex.

Wieħed mill-Kumitati Laburisti f’Għawdex li hu meqjus fost l-aktar importanti hu dak tal-Qala, fejn fil-jiem li għaddew is-Sindku Soċjalista Paul Buttigieg spiċċa sfaċċatament sfiduċjat minn sħabu l-kunsillieri, il-kandidati u l-attivisti tal-Partit Soċjalista biex hekk tilef postu minn membru fl-istess Kumitat Soċjalista tal-Qala.

Il-laqgħa tal-Kumitat Soċjalista tal-Qala saret nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu filgħaxija, proprju jumejn wara li fuq l-istazzjon Net TV kienu żvelati bl-aktar mod esklussiv aktar dettalji dwar l-inċident serju tal-2017 meta ħaddiem tal-Kunsill Lokali tal-Qala kien weġġa’ serjament f’dirgħajrh waqt li kien qed jagħmel xogħol imqabbad lilu minn Paul Buttigieg fil-kapaċità tiegħu ta’ ħaddiem li jaqa’ taħt il-Ministeru għal Għawdex.

Dak li ġara nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu li għadda fil-Każin Soċjalista tal-Qala, kien li waqt li saret it-tieni sessjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Kumitat Soċjalista tal-lokal, kompliet tispikka bl-aktar mod ċar u sfaċċat il-pika u d- li hemm bejn il-fazzjonijiet tal-Ministru Justyne Caruana, tal-eks Ministru Anton Refalo u tas-Segretarju Parlamentari attwali Clint Camilleri.

Dawn jiffurmaw tliet klikek prinċipali ta’ delegati Laburisti f’Għawdex fejn kollox jindika li l-interessi huma dijametrikament opposti għal ta’ xulxin fis-sens li finalment kull Deputat Parlamentari Għawdxi minn dawn jappoġġja kandidat differenti fit-tellieqa prinċipali għat-Tmexxija tal-Partit Soċjalista u għall-kariga ta’ Prim Ministru.

Sorsi li f’dawn il-jiem tkellmu ma’ il-mument qalu li fl-ewwel sessjoni tal-Laqgħa Ġenerali Annwali fil-Qala, u li allura kienet saret fit-2 ta’ Marzu li għadda, kienu ġew ikkonfermati bħala President u Segretarju tal-istess Kumitat Soċjalista tal-Qala, il-Kap tas-Segretarjat ta’ Clint Camilleri… ċioè Michael Buhagiar, u Noel Mizzi, ħaddiem ieħor fis-Segretarjat tal-istess Segretarju Parlamentari Clint Camilleri.

Mill-informazzjoni li għandu il-mument jirriżulta wkoll li minħabba li kienu daħlu seba’ nomini għall-membri tal-Kumitat, u kien hemm bżonn ta’ sitta biss, nhar il-Ġimgħa, 15 ta’ Marzu fis-6.30 pm fetħet votazzjoni għat-tesserati tal-Qala.

Ovvjament in-nies ta’ Clint Camilleri ħadmu bis-sħiħ fil-jiem ta’ qabel biex il-persuna li titkeċċa u titwarrab mill-Kumitat ikunis-Sindku Paul Buttigieg li hu kanvaser tal-Ministru Justyne Caruana.

Is-Sindku Paul Buttigieg hu l-unika kandidat tal-Partit Soċjalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Qala li ma jaħdimx għal Clint Camilleri  u għalhekk sar minn kollox biex, b’suċċess, sar block vote kontrih ħalli jitwarrab mix-xena.

Minn 49 tesserat li vvotaw, is-Sindku Paul Buttigieg ġab biss għoxrin vot u għalhekk kellu jkun hu l-persuna li ma jkollux siġġu fil-Kumitat Soċjalista tal-Qala.

Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li din kienet daqqa oħra ‘l isfel għas-Sindku tal-Qala, għax saret apposta biex ma jkollux x’jaqsam mal-kampanja li se tinħadem mill-Partit Soċjalista fil-Qala, biex ikunu agġevolati t-tliet kandidati l-oħra li se jikkontestaw għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’isem il-Partit Soċjalista.

Ingħad lil il-mument ukoll li wara li tħabbar ir-riżultat ta’ din l-elezzjoni, in-nies li jagħtu l-appoġġ tagħhom lis-Sindku kienu dispjaċuti u qatgħu qalbhom li se jerġgħu jaraw lil Paul Buttigieg bħala s-Sindku tagħhom wara Mejju li ġej.

Min-naħa l-oħra din kienet rebħa għall-klikka ta’ Clint Camilleri li qed jagħmel minn kollox biex fil-Qala jkun hemm Sindku li hu leali lejh u mhux lejn il-Ministru Justyne Caruana jew lejn l-eks Ministru Anton Refalo.

Malli tħabbar ir-riżultat tal-votazzjoni, is-Sindku deher urtat u rrabjat ħafna u dar fuq dawk preżenti u qalilhom li għalxejn kien se joqgħod hemm magħhom u telaq ‘il barra diżappuntat. Wara li telaq, in-nies ta’ Clint Camilleri ċċelebraw is-suċċess tal-kampanja tagħhom fejn il-block vote mhux biss ħadem…iżda wassal biex il-mira ntlaqħet kompletament għaliex is-Sindku Paul Buttigieg issa twarrab minn mas-saqajn fil-Kumitat Soċjalista tal-Qala.

Din ma kenetx l-ewwel darba li fil-Kumitat Soċjalista tal-Qala nqala’ d-diżgwid u l-ġlied bejn kunsilleri u attivisti tal-Partit Soċjalista,  kemm fil-laqgħat tal-Kumitat Soċjalista tal-Qala kif ukoll fil-laqgħat tal-Kunsill.

Dan ikompli jikkonferma kemm il-kandidati tal-Partit Soċjalista fil-Qala qed jaħdmu kontra xulxin fejn tibbrilla l-pika kontinwa bejniethom filwaqt li tispikka wkoll in-nuqqas ta’ għaqda.

Mhux l-ewwel darba li kandidati nstemgħu jgħidu fil-bars tal-Qala, u anke waqt il-home visits, li wħud minnhom qed jaħdmu kontra kandidati ‘sħabhom’ li se jikkandidaw ruħhom f’isem il-Partit Soċjalista.

Żgur li frott ta’ din il-firda bejn il-Kunsillieri u l-kandidati tal-Partit Soċjalista fil-Qala, huma l-familji Qalin li qed ibatu fejn tispikka t-telqa fir-raħal kollu speċjalment il-playing fields u l-ġonna tal-Qala.