Futbol Sport

Gudja jiksbu l-promozzjoni għall-Kampjonat Premier

(Ritratt: Joseph Galea)

Erbat ijiem wara l-promozzjoni storika ta’ Sirens, waslet promozzjoni oħra storika hekk kif għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom Gudja se jkunu qed jilagħbu fl-ogħla kategorija tal-futbol Malti.

Dan it-tragward intlaħaq wara li Gudja lbieraħ għelbu lil Naxxar 3-1, bil-gowls kollha jaslu fl-ewwel taqsima. Mhux hekk biss iżda bis-saħħa taż-żelqa xejn mistennija ta’ Sirens, Gudja issa jinsabu biss tliet punti wara l-leaders u b’hekk biċ-ċans li jisfidaw ukoll għar-rebħ tal-kampjonat.

Kienet promozzjoni meritata għat-tim immexxi minn Josef Mansueto, fejn dan it-tim kien dejjem ma’ ta’ quddiem matul l-istaġun u bi tliet logħbiet għat-tmiem aċċerta ruħu mill-ħolma li bdiet fil-bidu tal-istaġun. Kollox kien deċiż fl-ewwel nofs siegħa tal-logħba fejn Gudja skorjaw tliet darbiet bin-Naxxarin ridotti għal għaxar plejers u għalhekk prattikament il-logħba ma kienx fadlilha storja.

Fil-11-il minuta Gudja fil-vantaġġ grazzi għal DHONATAN SANTOS DA HORA li daħal tajjeb mix-xellug u skorja b’xutt prċiż fil-baxx. Fil-25 minuta minn azzjoni ta’ korner ix-xutt ta’ Cremona kien salvat b’idu minn Mead Mifsud, li dabbar karta ħamra u mill-penalty JACKSOM LIMA SIQUEIRA ma żbaljax.

Ħames minuti wara l-missjoni ta’ Naxxar saret impossibli hekk kif minn azzjoni oħra ta’ korner kien EMERSON VELLA li spara fix-xibka mill-viċin. Minkejja dan kollu Naxxar naqqsu l-iskor tliet minuti mill-interval meta kien JOEL ELLUL li temm b’suċċess taħwida quddiem il-lasta ta’ Gudja.

Fit-tieni taqsima Gudja kkontrollaw tajjeb lill-avversarji li minkejj al-inferjorita’ numerika ippruvaw jidħlu fil-logħba iżda kieneu iktar Gudja li resqu qrib ir-raba’ gowl diversi drabi, biex mat-tisfira finali setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet mill-partitarji ta’ Gudja.

Gudja U; J. Debono, J. Bondin, M. Attard, J. Lima Siqueira, F. Aboulezz, S. Diacono, J. Farrugia, L. Cremona, E. Vella, D. Santos Da Hora, R. Kooh Sohna (A. Marshall).

Naxxar L: O. Borg (S. Micallef), M. Fenech, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias, J. Debono (A. Fenech), R. Cassar, J. Ellul, A. Buhagiar, S. Nanapere, B. Essel, S. Meilak (R. Mercieca).

Referee: Malcolm Spiteri