Lokali

Il-Gvern Soċjalista rema’ l-impenn soċjali u mhux jindirizza d-diffikultajiet tal-familji

“Il-Gvern Soċjalista rema’ l-impenn soċjali u mhux jindirizza d-diffikultajiet tal-vulnerabbli fis-soċjetà bħall-familji li mhux qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja, l-anzjani u t-tarbija fil-ġuf.” Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza attivitá politika fin-Nadur bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li fl-ewwel diskors tiegħu l-President tar-Repubblika George Vella tkellem dwar il-bżonn li l-ġid li qed jiġġenera pajjiżna jasal għand kulħadd. Il-Kap tal-PN qal li minflok, il-Gvern Soċjalista tilef ir-ruħ soċjali, għandu biss kilba għall-poter u mhux jindirizzax id-diffikultajiet tal-vulnerabbli u dawk li qegħdin ibatu fis-soċjetà.

Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista ma jimpurtahx mill-anzjani u mhu qed jaghmel xejn sabiex verament jgħin lill-anzjani li qed jgħixu fil-faqar jew li jinsabu fir-riskju tal-faqar. Dan meta wieħed minn kull ħames anzjani llum qiegħed f’din is-sitwazzjoni. Huwa qal li l-Gvern ma indirizzax l-adekwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet b’serjetà, u anzjani li qegħdin ibatu biż-żidiet fil-kirjiet u jistgħu jispiċċaw bla saqaf fuq rashom. Dan meta jgħid li biex l-anzjani jkollhom pensjoni, wara li jkunu ilhom għomorhom kollu jaħdmu, rridu nibqgħu ngibu l-ħaddiema barranin. L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Pensjonanti waqt laqgħa mal-kandidati tal-PN qalet li l-importazzjoni tal-ħaddiema barranin mhix soluzzjoni sostenibbli u fit-tul, għaliex kif jieqaf it-tkabbir ekonomiku l-ewwel li jitilqgħu jkunu l-ħaddiema barranin.

Adrian Delia qal li l-President ta’ Malta tkellem ukoll fuq ir-rispett għall-ħajja mill-bidunett sal-aħħar nifs. Fil-manifest elettorali tas-Soċjalisti Ewropej (S&D) li magħhom hemm il-Partit Laburista qed jiġi mbuttat l-abort. Huwa qal li din hija bidla li pajjiżna ma jridx għaliex hi bidla għall-agħar, u li tfisser il-qtil tal-ħajja umana. Il-Gvern Soċjalista wera nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-ħajja meta neħħa l-protezzjoni tal-embrijuni mil-liġi u ġab il-ħajja umana oġġett. Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista huwa favur il-ħajja mill-konċepiment sat-tmiem naturali u mhux bħall-Gvern li għalih l-embrijun huwa biss tmien ċelloli.

Adrian Delia qal li l-unika ħaġa li ppjana l-Gvern Soċjalista kien kif se jaħtaf il-poter, u għamel hekk billi ħataf l-istituzzjonijiet b’riżultat li llum għandna kriżi fid-demokrazija. Ir-rapport tal-GRECO kien ċari fil-kundanna, l-problema li għandu pajjiżna mhux il-liġijiet. imma li l-istituzzjonijiet mhux liberi li jiffunzjonaw. Huwa qal li l-Oppozizzjoni se tibqa’ taħdem biex f’pajjiżna jissaħħu s-sisien tad-demokrazija.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li f’Mejju li ġej il-poplu għandu l-opportunità li jgħid lill-Gvern Soċjalista li jrid pajjiżna lura, u bil-vot jista’ jwassal messsaġġ favur min qiegħed ibati fis-soċjetà u min għad m’għandux vuċi. Huwa qal li bil-vot tagħhom il-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jgħidu lill-Gvern li jridu bidla fil-mod kif qed jitmexxa pajjiżna.