Waqt attività politika, li nżammet f’Tal-Pietà fl-10 ta’ Marzu, il-Minority Leader Josef Fitzpatrick semma’ li kien se jressaq Mozzjoni dwar l-istat ta’ Villa Guardamangia. Il- Mozzjoni kienet titlob biex fil-laqgha li kien imiss jiġi diskuss u deċiż li għandu jibda l-proċess ta’ restawr u konservazzjoni f’din il-propjetà, magħrufa bħala r-residenza tar-Reġina Eliżabetta II u żewġha d-Duka ta’ Edinburgh għall-ewwel sentejn taż-żwieġ tagħhom. F’dak iż-żmien, id-Duka kien stazzjonat f’Malta.
Fil-Mozzjoni, li kienet issekondata mill-Kunsilliera l-oħra tal-Partit Nazzjonalista Annhelica Agius, kien innutat li fid-dawl tal-istat li tħalliet fiha din il-Villa, u minħabba l-wirt u l-valur storiku li ġġorr magħha, għandha tkun l-awtorità konċernata li tintalab tintervjeni, partikolarment f’każ li s-sidien ta’ Villa Guardamangia ma jkollhomx riżorsi biex jirrestawrawha.
Il-Kunsilliera Nazzjonalisti fost l-ohrajn elenkaw li din il-propjetà ġiet skedata fl-2001, iżda sfortunatament, ma nżammitx fi stat tajjeb u hemm ir-riskju li din tkompli tiġġarraf. Għaldaqstant, il-binja għandha tkun restawrata għall-istil oriġinali tagħha meta kienu jgħixu fiha l-Koppja Rjali ħalli tkun tista’ titgawda mill-poplu Malti u Għawdxi, kif ukoll bħala attrazzjoni turistika. F’każ li Villa Guardamangia ma tibqax fir-responsabbiltà tal-privat, din għandha tingħadda taħt ir-responsabbiltà ta’ Heritage Malta u l-Kunsill Lokali, b’tali mod li tinfetaħ għall-pubbliku bħala attrazzjoni, temmet tgħid il-Mozzjoni.
Ta’ min jinnota li l-għada li ġiet diskussa l-Mozzjoni, ixxandar servizz fuq l-Istazzjon tal-Istat fost l-oħrajn b’intervista mas-Sindku Laburista tal-lokal Keith Tanti, fejn intqal ukoll li Heritage Malta ilha mill-2015 fuq dan il-proġett u li għaddejja b’kuntatti mal-Familja Rjali. Iżda li ma ntqalx fis-servizz hu li ghad m’hemm l-ebda ftehiem mal-privat u għaldaqstant, dan is-servizz sar biss bl-iskop li l-Mozzjoni mressqa mill-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista tingħata l-ġenb u minflok, il-Kunsill b’maġġoranza Laburista pprova jirkeb karru politiku.
//= $special ?>