Lokali

Il-vjolenza ma twassalx għad-demokrazija

Il-Partit Nazzjonalista qiegħed isegwi dak li sfortunament għaddej preżentement fil-pajjiż ħabib u ġar tagħna l-Libja. Il-kunflitt militari li għaddej, l-vjolenza ġdida li qamet mhu ta’ l-ebda konfort, imma ta’ inkwiet kbir. Il-gwerra ċivili li għaddejja ma twassalx la għall-paċi u lanqas għad-demokrazija imma għal ferm iktar instabbilità u nkwiet.

Sostna dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici u mis- Segretarja Internazzjonali tal-PN Roselyn Borg Knight.

Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad mal-komunità internazzjonali u jappella sabiex l-ġlied jieqaf minnufih u l-partijiet jiġu lura madwar il-mejda tad-diskussjoni. Fl-istess ħin jittama li l-Gvern qiegħed jieħu l-passi neċessarji sabiex ċittadini Maltin jinġiebu mall-ewwel lura, u li hemm pjan ta’ kontinġenza u emerġenza preparat billi kif iseħħ f’dawn is-sitwazzjonijiet, ikun hemm ċaqliq ta’ bnedmin li jaħarbu l-kunflitt u għalhekk mewġa oħra ta’ immigrazzjoni irregolari. 

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista filwaqt li jibqa’ jittama li r-raġuni tirbaħ fuq il-forza jappella sabiex il-Gvern ta’ pajjiżna jħares fis-sod l-interess nazzjonali u jieħu l-passi neċċessarji immedjatament, ma jkaxkarx saqajh fuq sitwazzjoni li qegħda tiggrava ma kull ġurnata.