Lokali

FILMAT: Joseph Muscat rassenjat jammetti li l-pagi huma baxxi u l-proprjetà għolja

Hawn ħafna persuni li mhux qed ilaħqu mal-ħajja. Kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta kien qed jindirizza attività politika fis-Sala tal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun.Filwaqt li aċċenna li bil-liġi issa persuna tista’ tagħmel sena biss fuq il-paga minima imbagħad il-paga tiżdedilha, Joseph Muscat ammetta li din għandha tiżdied.

Dan ikompli jikkonferma li l-Gvern Soċjalista qed ikabbar l-ekonomija biż-żieda fil-popolazzjoni u mhux bil-ħolqien ta’ setturi ġodda biex ikattar aktar flus fil-but tal-poplu. Kien il-Partit Nazzjonalista li kabbar u ħoloq diversi setturi fosthom dak finanzjarju, marrittimu u tal-informatika li sal-lum il-ġurnata eluf ta’ persuni jaqilgħu x’jieklu minnhom.

Il-Prim Ministru Soċjalista saħaq li d-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa f’Malta hija enormi u tal-misthija. Taħt dan il-Gvern, l-impjegati nisa jaqilgħu 11% inqas mill-irġiel, dan ifisser li għal kull €1 li jdaħħal raġel mara ddawwar mad-89 ċenteżmu.

Joseph Muscat wasal fi stat fejn kellu jbaxxi rasu għar-rapport tal-KPMG u jammetti li, kawża tal-influss qawwi ta’ barranin, il-kirjiet tal-proprjetà żdiedu – magħhom żiedu wkoll inevitabbilment il-prezzijiet, b’żieda li tlaħħaq il-25%. Il-Prim Ministru ammetta li koppja żgħażugħa, jew persuni separati, żgur li jsibuha diffiċli sabiex jixtru saqaf fuq rashom. Madanakollu kkonsla lill-poplu billi saħaq li jekk tiġi biex tħalli din id-dinja bħalissa, lill-uliedek ser tħallilhom fil-wirt proprjetà li issa tiswa aktar – dejjem jekk irnexxielek takkwista residenza.

Sadanittant Joseph Muscat reġa’ injora għal kollox is-sitwazzjoni tal-64 immigrant li jinsabu bejn sema u ilma f’nofs il-maltemp, ftit ‘il barra mill-ibħra Maltin, jitolbu lil Prim Ministru Soċjalista sabiex itihom kenn.

B’reazzjoni għad-diskors ta’ Joseph Muscat fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista sostna li l-Prim Ministru mhux kredibbli meta jgħid li jinteressah ‘fl-affarijiet li jħossu n-nies fil-ħajja tagħhom ta kuljum’.Ġie spjegat li dan il-Gvern Soċjalista m’għandux pjan fit-tul u l-unika soluzzjoni ta’ Joseph Muscat hija li jibqa’ jġib aktar ħaddiema barranin bil-konsegwenza li l-ħaddiema Maltin qed jispiċċaw f’morsa doppja biċ-cheap labour li qed jgħolli rasu u l-prezzijiet tal-ikel u l-affarijiet essenzjali qegħdin dejjem jiżdiedu