Il-Pulizija qed tinvestiga każ ta’ allegat stupru li seħħ dalgħodu fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa. Minn informazzjoni li għandu Net News, jidher li mara ta’ 23 sena li taħdem bħala ‘cleaner’ fid-dar, allegatament sfat aggredita u stuprata minn carer fl-istess dar.
Hu mifhum li l-allegat aggressur hu ta’ nazzjonalita’ barranija. Kelliem għall-Pulizija ikkonferma ma’ Net News li l-Pulizija waslilha rapport dwar inċident fid-dar tal-anzjani fl-Imtarfa għall-ħabta tal-10a.m. tal-Ħadd u li l-pulizija qed tinvestiga l-każ.
Is-Segretarjat għall-Anzjani jikkonferma
Sadanittant, fi stqarrija, is-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva ikkonferma r-rapport li xandar Net News u qal li għaddejja investigazzjoni mill-Pulizija wara li l-amministrazzjoni tal-istess residenza għamlet rapport.
L-istqarrija tkompli li d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qiegħed jieħu dan l-każ b’serjetà kbira billi jagħti l-appoġġ neċessarju lill-allegat vittma u jibqa’ jsegwi mill-qrib kull żvilupp. Is-Segretarjat Parlamentari se jara li jkun hemm koperazzjoni sħiħa mal-investigazzjoni tal-Pulizija.
//= $special ?>