Lokali

Konrad Mizzi dahru mal-ħajt

Sal-lum ma nħarġet l-ebda reazzjoni ...la mill-Gvern, la mill-Ministru Konrad Mizzi u anqas mill-Grupp Corinthia

Skont investituri fit-turiżmu, b’mod partikulari fil-lukandi, il-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi għadda ġimgħa jistaħba milli jiffaċċja talbiet konsisteni mill-industrija biex iwieġab għal dak li żvelat il-mument il-Ħadd li għadda.

Min b’kunfidenzjalità kbira tkellem ma’ il-mument żvela magħna li żewġ laqgħat li kienu ppjanati l-ġimgħa li għaddiet bejn Konrad Mizzi u negozjanti fil-qasam turistiku tħassru ħesrem propju wara li żvelajna li l-Ministru Konrad Mizzi għadu għaddej bin-negozjati biex lill-Grupp Corinthia xorta jagħtihom mhedda kbira ta’ art f’San Ġiljan bi prezz redikolu.

Konrad Mizzi diġà kien ipprova jressaq il-kuntratt, li jagħti d-dritt lill-Corinthia biex tieħu l-art u fuqha ttella’ torri ta’ appartamenti lussużi għal bejgħ, quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Verifika iżda l-Oppożizzjoni Nazzjonalista waqfitu milli jagħmel dan u l-Gvern kellu jirtira l-laqgħa b’mod indefinit.

Il-Grupp Corinthia għandha ċens fejn s’issa hemm il-lukanda Radisson Blu iżda l-Gvern lest jagħtiha l-art biex minflok ma tiżviluppaha għal skopijiet turistiċi, tbigħ fuqha l-appartamenti bi dħul ċert ta’ biljun ewro. Biex dan iseħħ, il-Parlament irid jaċċetta li l-poplu Malti jċedi l-art tiegħu lill-privat biex fuqha jinbnew u jinbiegħu l-appartamenti. U minkejja li l-art f’San Ġiljan ġiet stmata li tiswa €700 miljun, Konrad Mizzi jrid iċediha għal €51 miljun biss.

Sadattant, kif żvela il-mument il-Ħadd li għadda, fejn hemm il-Lukanda Corinthia San Ġorġ u l-Lukanda Corinthia Marina, Konrad Mizzi aċċetta li l-Corinthia ibaxxu l-iżvilupp turistiku li kienu qed jipproponu minflok ma jżiduh.

Is-sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalulna li kienu lesti li jqajmu dawn l-ilmenti mal-Ministru Konrad Mizzi kieku l-laqgħa magħhom ma ġietx kanċellata. L-iskuża li ngħatat lill-iżviluppaturi kienet li l-Ministru Mizzi kellu laqgħa oħra urġenti dwar l-Airm Malta, iżda l-industrijalisti indunaw li Konrad Mizzi kien qed jevithom minħabba dak li żvelajna l-Ħadd li għadda u li sal-lum la Konrad Mizzi, la l-bqija tal-Gvern u lanqas il-Corinthia ma lissnu kelma dwar dak li kxifna l-Ħadd li għadda.

Sadattant, minn Kastija għaddejjin manuvri biex negozjanti li għamlu r-riċerka tagħhom sew ma jibqgħux għaddejjin bil-pjan tagħhom li jdaħħlu talba formali quddiem l-Unjoni Ewropea biex twaqqaf lill-Gvern milli jagħti l-art f’San Ġiljan lill-Grupp Corinthia mingħajr sejħa għall-offerti kif ukoll bi prezz hekk baxx.

In-negozjanti li huma lesti li jmexxu bit-talba tagħhom qed isostnu li tali għotja ta’ art pubblika tmur kontra r-regoli tal-Unjoni Ewropea li ma tħallix Gvern jissussidja kumpaniji, kemm pubbliċi kif ukoll privati. Ta’ Kastilja jafu li jekk issir din it-talba, il-pjani tagħhom li ‘jaqdu’ lil tal-Corinthia jisfaxxaw fix-xejn.  Kien propju għalhekk li Konrad Mizzi żamm il-ftehim mal-Corithia moħbi biex ma jqumux irwiefen qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u Kunsilli Lokali fil-25 ta’ Mejju li ġej.  

Dawn l-iżviluppi ġodda kollha seħħew fl-isfond ta’ aktar investigazzjonijiet minn din il-gazzetta il-mument, li f’dawn il-jiem qed tkompli ssegwi mill-qrib il-movimenti li qed iseħħu b’rabta mal-iżvilupp ta’ torri b’għadd ta’ sulari fih fil-Bajja ta’ San Ġorġ fejn se jinbnew għadd ġmielu ta’ appartamenti lussużi.

Ir-rapport pubblikat fil-gazzetta il-mument tal-ġimgħa l-oħra li żvela fatti xokkanti, la niżel tajjeb mal-Ministru Konrad Mizzi u ma’ oħrajn qrib tiegħu, u anqas mal-Grupp Corinthia. Mistoqsija komuni fiż-żewġ kampi kienet kif ċertu informazzjoni sensittiva waslet għand din il-gazzetta.

Is-sorsi li tkellmu magħna u li huma urtati u rrabjati ħafna għall-Gvern, qalu li “bejnietna nitkellmu u naqblu li dawn huma ħniżrijiet kbar. U dan kif f’dawn id-deals kbar kollha dejjem hemm jippilota Konrad Mizzi? Jiġifieri dawn il-ftehim ikunu qed isiru bis-saħħa u l-barka ta’ Kastilja li issa hi mgħarrfa b’dak kollu li qed jiġri u flok ma tiddistakka ruħha minn oxxenitajiet bħal dawn, tagħlaq ħalqha u n-negozjati jissoktaw.”

Sadattant fuq livell differenti jirriżulta li dak li kien pubblikat nhar il-Ħadd f’il-mument u ssoktat imxandar fil-jiem ta’ wara fil-media, xejn ma niżel tajjeb ma’ membri fil-Kabinett ta’ Joseph Muscat li qed jargumentaw li dan l-iskandlu ġdid lejliet l-elezzjonijiet ta’ Mejju li ġej żgur li ma jagħmilx ġid lill-Partit Soċjalista. Fost l-iżjed skomdi hemm il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne li deher viżibbilment imxebba tul iċ-ċerimonja u laqgħat li segwew mal-President ta’ Malta l-ġdid George Vella.

Osservaturi politiċi rrimarkaw li Chris Fearne żamm id-distanza tiegħu minn Konrad Mizzi iżda deher ukoll skomdu mal-Prim Ministru Joseph Muscat. Fl-ewwel diskors tiegħu l-President George Vella għamilha ċara li l-ħarsien tal-governanza tajba hi prijorità kif ukoll ħa ħsieb li jsemmi l-protezzjoni tal-ambjent, żewġ vleġeġ ċari ħafna lejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru Konrad Mizzi. Kien waqt dawn is-siltiet tad-diskors li l-Viċi Prim Ministru Chris Fearne deher jaqbel billi japprova b’rasu. 

Sadattant fost dawk li tkellmu kontra l-ftehim sigriet biex tgħaddi l-art pubblika lill-Grupp Corinthia, hemm ukoll l-Assoċċazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) li qalu li dan il-ftehim se jkisser is-suq tal-propjetà Maltija għaliex il-Corinthia se jkollha vantaġġ fuq żviluppaturi oħra li l-art ikollhom jixtruha bil-prezz tas-suq u mhux sussidjata mill-gvern.